Qassis fil-Filippini ilu xahar u nofs maħtuf mir-ribelli

Fr. Teresito Suganob, magħruf mal-parruċċani tiegħu bħala “Fr. Chito”, ilu miżmum ostaġġ mir-ribelli għal madwar xahar u nofs u għalkemm għadu ħaj mhux magħruf x’inhi l-kundizzjoni tas-saħħa tiegħu.
Is-saċerdot, flimkien ma’ xi persuni oħra inħataf ostaġġ fit-23 ta’ Mejju li għadda meta nies armati daħlu fil-Katidral ta’ Santa Marija, fil-belt ta’ Marawi fil-Filippini. F’dan l-attakk, l-estremisti, kissru l-knisja u ħarqu id-dar tal-Isqof.
Fit-30 ta’ Mejju Fr. Teresito deher f’messaġġ li tpoġġa fuq Facebook, jappella lill-President tal-pajjiż, Rodrigo Duterte biex iwaqqaf l-offensiva militari li għaddejja fil-pajjiż.  “Sur President, jekk jogħġbok agħti każna. Dawn in-nies ma jridu xejn ħlief li inti titlaq bil-kwiet”. Il-video kien xogħol tar-ribelli Maute.
Is-sitwazzjoni fil-pajjiż bħalissa hi waħda perikoluża u kaotika. L-Artamata kompliet bl-operazzjoni militari tagħha kontra r-ribelli wara waqfa qasira ta’ tmien siegħat  li matulha tant ċans lill-ħaddiema tas-salvataġġ jeħilsu xi persuni li nqabdu fiż-żona tal-konflitt.
Kelliem għall-Gvern qal li s-suldati irnexxielu jieħdu lura l-parti l-kbira ta’ Marawi minn idejn ir-ribelli li għad għandhom kontroll f’xi erba’ rħula biss.
Sadattant l-awtoritajiet tal-Knisja Kattolika qed jinsistu biex ikun hemm waqfien mill-ġlied li qed jikkaġuna tbatija kbira lill-popolazzjoni fejn kienu rappurtati wkoll xi mwiet.