Qanpiena ta’ bastiment Pollakk tittella’ mill-baħar għar-restawr

Il-qanpiena tal-bastiment navali Pollakk, ORP Kujawaik, li għereq fl-ibħra Maltin ittellgħet minn qiegħ il-baħar biex tkun konservata u restawrata minn Heritage Malta.
Il-proċess ta’ konservazzjoni u restawr mistenni jitlesta aktar tard din is-sena, bil-qanpiena tkun esebita b’self fil-mużewijiet fil-Polonja.
La darba tirritorna Malta, il-qanpiena se tkun esebita fil-Mużew Marittimu ta’ Heritage Malta biex tkun tista’ titgawda mill-pubbliku ġenerali u tibqa’ titfakkar l-istorja ta’ dan il-bastiment.
Sakemm waslet fil-laboratorji ta’ Heritage Malta f’Bighi, il-qanpiena inġarret fl-ilma baħar.
Imbagħad beda l-proċess biex titnaddaf mill-melħ, bil-konservaturi professjonali investigaw l-istat tal-qanpiena u komplew jirriċerkaw dwar l-aħjar interventi li kellhom isiru.
Matul is-sena li għaddiet l-ilma biex il-qanpiena titnaddaf mill-melħ kien jinbidel gradwalment u anke jittieħed rekord tal-kundizzjoni tal-qanpiena.
Wara ħafna testijiet biex il-qanpiena titnaddaf, il-konservaturi għażlu proċess innovattiv fejn intużat is-sħana apposta għal dan it-tip ta’ materjal.
Il-proċess irnexxa u s-saffi li kellha l-qanpiena kemm fuq barra kif ukoll fuq ġewwa tneħħew.
Dan il-proċess kixef l-isem tal-HMS Oakley imnaqqax fuq il-qanpiena, li qabel ma kienx jidher. Qabel kienet id-drawwa li l-qanpiena oriġinali tal-vapur ikollha mnaqqax l-isem oriġinali tal-bastiment u d-data ta’ meta jkun ġie varat.
ORP Kujawaik kien destroyer Britanniku li kien varat fit-30 ta’ Ottubru 1940 u ngħata l-isem ta’ HMS Oakley. Sussegwentament fis-17 ta’ Ġunju 1941 ir-Royal Navy kriet dan il-vapur lin-navy Pollakka. ORP hija abbrevjazzjoni għal Okrȩt Rzeczypospolitej Polskiej (Bastiment tar-Repubblika tal-Polonja).
Kif instab il-bastiment ORP Kujawaik?
Waqt li kien qiegħed jieħu sehem fl-Operazzjoni Harpoon viċin Malta fis-16 ta’ Ġunju 1942, ORP Kujawaik laqat mina u għereq, bil-konsegwenza li 13-il baħri Pollakk tilfu ħajjithom.
Fl-2014 grupp ta’ esploraturi Pollakki u Maltin ingħataw l-approvazzjoni mis-Sovrantendenza tal-Patrimonju Malti biex jibdew tfittxija għal dan il-bastiment peress li l-pożizzjoni eżatta tiegħu ma kenitx indikata mill-Ministeru tad-Difiża Britanniku.
Fit-22 ta’ Settembru tal-istess sena l-grupp ta’ esploraturi Pollakki u Dr Timmy Gambin mill-Universitá ta’ Malta, sabu fejn huwa mgħerreq l-ORP Kujawaik, ftit ‘il barra mill-kosta Maltija.