“Qalulna li mhux se jiġrilna kif ġara lil ħaddieħor” – ġara ta’ Miriam Pace

Ġara ta’ Miriam Pace tkellmet fuq Facebook u qalet li meta hi u Miriam esprimew l-inwiet u l-biża’ tagħhom dwar il-kostruzzjoni, il-ħaddiema qalulhom li huma ma jaħdmux bħal ħaddieħor. Qalet li qalulhom li mhux se jiġrilhom bħalma ġralu ħaddieħor, iżda “fil-fatt hekk ġara”.

Dan qalitu fuq Facebook, Rosette Zerafa, li wkoll toqgħod maġenb is-sit ta’ kostruzzjoni fejn nhar it-Tnejn li għadda ġġarfet id-dar tal-familja Pace. L-inċident ħasad il-ħajja tal-omm tal-familja, Miriam, fl-età ta’ 54 sena, ftit tal-jiem ‘il bogħod minn għeluq sninha.

Zerafa sostniet li minn meta seħħ l-inċident lanqas kellha saħħa tiftaħ Facebook għax ma riditx u ma felħitx tara aktar. Qalet li kienet traġedja kiefra li wasslet sabiex il-ġar u ħabiba tagħha, Miriam, “mara sabiħa minn barra u minn ġewwa” titlef ħajjitha “tort għat-traskuraġni ta’ ħaddieħor”. Qalet li hi u Miriam kienu mbeżża’ minħabba l-kostruzzjoni li bdiet fl-art li qabel kienet ġnien maġenb djarhom.

“Spiċċa biex ħadulha ħajjitha, ħarbtu lill-familja tagħha b’dulur indesrivibbli u lilna u l-familji l-oħra tal-madwar imkissrin u barra mid-dar b’ta’ fuqna senduqna,” qalet Zerafa. Sostniet li kien xokk kbir li tara id-dar ta’ warajk nieżla quddiem għajnejk u ma tkunx taf hux nieżla tiegħek ukoll. Qalet imbagħad waslet barra u tara li d-dar ta’ Miriam m’għadhiex hemm. “X’ma niġġenninx, twerwirt kif ħsibt li probabbli qiegħda hemm taħt,” qalet Zerafa.

Temmet tgħid li t-tama tagħha hija li ssir ġustizzja. Sostniet li ma jistax ikun li għal skapitu ta’ min suppost ikun responsabbli biex tinbena binja, ibatu nies innoċenti.

Minn nhar it-tnejn l'hawn anqas sahha niftah facebook, ghax ma ridtx u ma niflahx nara aktar b'ghajnejja. Tragedja…

Posted by Rosette Zerafa on Friday, March 6, 2020

X’ġara nhar it-Tnejn?

Għall-ħabta tas-2.15pm it-Tnejn, il-Pulizija ġiet ifurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha f’sit ta’ kostruzzjoni fi Triq Antonio Miruzzi. Il-Pulizija talbet l-assistenza immedjata tal-Membri tal-Protezzjoni Ċivili u timijiet mediċi mid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei. Intalbet ukoll l-assistenza ta’ Transport Malta sabiex jinżamm kontroll tat-traffiku.

Bdiet ħidma immedjata biex tiġi salvata mara maqbuda qalb t-tifrik tad-dar li waqgħet. Kelb tas-Sezzjoni K-9 tal-Protezzjoni Ċivili, imħarreġ apposta biex ifittex qalb bini mwaqqa’, indika post qalb it-tifrik fejn setgħet kienet il-mara. Kienu għall-ħabta tal-9.55pm, x’ħin instab il-katavru tal-mara. Wara li l-kadavru nħareġ, ittieħed fil-Kamra Mortwarja ta’ Mater Dei.

Il-vittma kellha 54 sena u kienet omm ta’ żewġ ulied. It-tfittxija damet għaddejja iżjed minn tmien sigħat. Żewġha deher fuq il-post jingħata s-sabar minn xi qraba. Ir-residenti l-oħra ġew evakwati.

Preżenti fuq il-post kien hemm uffiċjali mill-Victim Support Unit fi ħdan il-Korp tal-Pulizija sabiex jassistu lill-qraba tal-vittma u persuni oħra.