“Qaluli ftit qabel li se jarrestawh” – Efimova dwar sid Pilatus Bank

Il-whistleblower ta’ Pilatus Bank Maria Efimova qalet li ġiet infurmata li kien se jiġi arrestat sid il-bank ftit qabel l-arrest tiegħu.
Mal-gazzetta Griega Kathimerini, Efimova qalet li bdiet tibża’ għal ħajjitha fil-mumenti ta’ qabel l-arrest ta’ Ali Sadr Hashemi Nejad fl-Istati Uniti.
Sid Pilatus Bank qed jiġi akkużat li pparteċipa fi skema ta’ evażjoni tas-sanzjonijiet Amerikani kontra l-Iran billi uża l-Venezwela biex jgħaddi €94 miljun, ekwivalenti għal $115 miljun mill-Istati Uniti għall-Iran.
Skont il-Pulizija Maltija, dan il-ksur ta’ sanzjonijiet allegatament sar diversi snin ilu, u li minn Malta ma għaddiet ebda tranżazzjoni, u ma kinux involuti persuni jew entitajiet Maltin f’dawn l-attivitajiet.
Efimova qalet li kienet qed tibża’ peress li parti mill-informazzjoni dwar l-attivitajiet ta’ Pilatus Bank kienet ġiet mingħandha. Qalet li f’dak il-mument marret lejn Ateni biex tikseb l-għajnuna mill-awtoritajiet. Wara li għamlet it-talba għall-protezzjoni, il-Pulizija Griega sabet li kien hemm żewġ mandati għall-arrest tagħha minn Malta.
Il-pulizija qalu li huma ħbieb ta’ Pilatus – Efimova
Waqt l-intervista li kellha mal-gazzetta, Efimova qalet li waqt li kienet qed tiġi interrogata mill-Pulizija f’Malta, uffiċjali ta’ Pilatus Bank kienu preżenti. Qalet ukoll li l-pulizija Maltin interrogawha qalu li kienu ħbieb ta’ Pilatus Bank. Spjegat li wieħed mill-pulizija li kien preżenti waqt l-interrogazzjoni m’għadux jaħdem mal-korp u li lest jixhed favur Efimova fil-Qorti.
Skont il-gazzetta, l-avukat ta’ Efimova qal li tinsab fi stat tajjeb imma spjega li mhix imdorrija tkun taħt arrest.
Il-gazzetta qalet ukoll li l-awtoritajiet Ċiprijotti ppruvaw japplikaw għall-hekk imsejjaħ Avviż Aħmar tal-Interpol, però skont il-gazzetta din it-talba ma ġietx milqugħa mill-Interpol minħabba nuqqas ta’ evidenza. L-Avviż l-Aħmar (Red Notice) hija talba uffiċjali biex tinstab persuna, tiġi arrestata, u tiġi estradita.