Qalulha li wisq kerha biex turi wiċċha; ara kif tirribatti

Ritratt: Twitter?MelissaBlake

Meta l-blogger Melissa Blake kitbet artiklu dwar Donald Trump dan inxtered mill-ewwel u ġibed ħafna attenzjoni. Però ma kinitx il-kitba tagħha li ġibdet daqstant attenzjoni iżda r-ritratt tagħha. Hija tant ħolqot kontroversja bil-mod kif irribattiet li spiċċat intervistata fuq il-programm Good Morning America.

Melissa hija persuna b’diżabbilità u tbati minn kundizzjoni rari li teffettwalha wiċċha, ħalqha, idejha u saqajha.

Il-mara tul ħajjitha għaddiet minn 26 operazzjoni. Tgħid li sal-lum drat bin-nies iħarsu u jiċċassaw lejha meta jarawha barra fit-triq. Drat ukoll li kważi ħadd ma jeħodha bis-serjetà meta tgħid li hija ġurnalista.

Ritratt: Twitter/MelissaBlake

Iżda din id-darba l-kummenti tan-nies fuq il-midja soċjali kienu krudili. Ħafna kienu dawk li ma ddejqux jgħajruha li kienet kerha.

Iżda l-iktar kumment li urta lil Melissa Blake kien meta kien hemm min issuġerixxa li ma tkomplix turi wiċċha. Għalhekk hija ddeċidiet li tagħmel bil-kontra.

Ritratt: Twitter/MelissaBlake

Għalhekk irribattiet billi tellgħet tlett ritratti oħra tagħha. Qalet li għamlet dan sabiex tkun ta’ ispirazzjoni għal nies oħra b’diżabbilità jew inkella oħrajn li spiss jiġu attakkati u bullied minn persuni li jistaħbew wara l-keyboards tal-kompjuter biex jinfexxa jgħajru lil ħaddieħor.

“Ninsab ċerta li dawn in-nies jagħmlu l-arja għax ma jkun qed jarahom ħadd u li żgur ma jgħidux nofs il-kliem li jgħaddu fuq il-midja soċjali, li kieku jkunu wiċċ imb’ wiċċ quddiem il-persuna,” ikkummentat hi.

Ritratt:Twitter/MelissaBlake

Meta Blake tefgħet ir-ritratti l-ġodda tagħha, reġà kien hemm ġenn sħiħ fuq il-midja soċjali, b’differenza li issa kienu b’appoġġ għaliha.

Tant hu hekk li dan il-post tagħha reġà ġie mxerred fuq twitter kważi 30,000 darba u kienu kwaċi 300,000 persuna li għamlu l-famuża “like” bħala turiha ta’ appoġġ għaliha.