“Qaltli: Kif ħraqtlek il-bieb, issa naħraq lilek”

Issokta fil-Qorti s-smigħ dwar il-każ ta’ tfajla ta’ 19-il sena mill-Ħamrun akkużata b’attentat ta’ qtil ta’ seba’ persuni meta saqet fuqhom fil-Ħamrun stess.
Oħt Brandon Pace, li nqatel f’April li għadda fil-Ħamrun, xehdet fil-Qorti, dwar kif ġiet mhedda mill-akkużata.
Irrakkuntat li kif kienet qed issuq fi Triq Diċembru 13 fil-Marsa, resqet karozza ħdejha u baqgħet hemm. Qalet li rrealizzat li kienet l-akkużata, li bdiet tinsulentaha u qaltilha li kif ħarqitilha l-bieb ta’ barra, issa taħraq lilha.
Donna Pace kompliet tgħid li wara, l-imputata segwieta bil-karozza u bdiet titfgħalha l-fliexken għall-karozza tagħha.  Spjegat li dak il-ħin kellha t-tfal magħha.
Pace kompliet tixhed, li dakinhar, hi kienet f’restorant mas-sieħeb tagħha Carlos, meta hu rċieva telefonata mill-akkużata, li stednitu għal drink.  
Spjegat li Carlos għaddhiela l-mowbajl, u qaltilha li kellha raġun tkun imdejqa għax wara sentejn mal-imputata, reġa’ beda joħroġ magħha.  Donna Pace kellha relazzjoni ta’ sitt snin ma’ Carlos, li huwa missier il-wild tagħha.
Fil-Qorti nstema’ kif l-akkużata sfidat lil Pace għall-ġlied, u li jidher li wara ċemplet lit-tfajla ta’ ħuha, bi sfida oħra għall-ġlied ħdejn il-White Stars bar fil-Ħamrun.
Madanakollu, Pace qalet li ltaqgħu kumbinazzjoni ħdejn forn fil-Ħamrun, u “Kurt Grech, li qatel lil ħija, ħareġ mill-vann u qalli li ħadd ma jmiss lil Natasha” (l-imputata).  Semmiet kif f’ħin minnhom rat lill-akkużata ssuq fid-direzzjoni tagħhom, tolqothom, u ftit wara taħbat bil-karozza.
Xehdu wkoll ħut Pace, li kkonfermaw il-verżjoni ta’ oħthom.
L-avukati tad-difiża talbu l-ħelsien mill-arrest tal-akkużata, għax trid tieħu ħsieb lil ommha bil-kanċer. Il-Prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx, bil-Qorti tilqa’ t-talba fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €9,000.
Talbet ukoll għall-protezzjoni għall-familja Pace, u ordnat lill-akkużata tiffirma tliet darbiet fil-ġimgħa.
Il-każ imur lura għall-ġlieda fil-Ħamrun fis-7 ta’ Jannar li għadda, qrib l-inħawi fejn fit-2 ta’ April  2017, inqatel Pace.