Qalli ‘jekk tħobbni agħtini flusek” – sid pastizzerija

Fil-Qorti llum nstemgħet ix-xhieda ta’ sid pastizzerija f’Ħal Luqa u li safa aggredit ix-xahar li għadda. Il-vittma rrakkonta kif l-akkużat kien qalu ‘jekk tħobbni agħtini flusek’, wara li aggredih fil-pastizzerija.

AQRA: Fil-periklu tal-mewt wara li weġġgħuh b’arma taqta’

F’Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello, ir-raġel rrakkonta kif fit-12 ta’ Awwissu huwa kien fil-ħanut meta r-raġel li qed jiġi akkużat b’attentat ta’ qtil u li huwa ħabib tiegħu daħal għall-ħabta tal-10.30am.

AQRA: Jipprova joqtol raġel f’pastizzerija; jinżamm taħt arrest

Ir-raġel spjega lill-Qorti li l-akkużat daħal bi flixkun tal-inbid f’idu u talbu biex jiftaħulu. Huwa staqsa lis-sid tal-pastizzerija għall-ikel u flixkun Coca. Kien x’ħin dawwar wiċċu lejn il-forn li l-akkużat ġie minn wara u qalu li se joqtlu. Il-vittma rrakkonta kif ħass ix-xafra ma’ għonqu.

Fil-Qorti l-vittma wera l-marki tal-feriti li ġarrab. It-tiċrita f’għonqu tibda minn taħt widnejh sa nofs għonqu. Il-vittma spjega kif huwa qabad id l-akkużat u żammha l-bogħod minnu, filwaqt li dan heddu li jrid itih daqqa ta’ sikkina fl-istonku tiegħu.

L-akkużat u l-vittma huwa ħbieb. Ir-raġel qal lill-Qorti li waqt l-inċident, huwa fakkar lill-akkużat li huma ħbieb, bl-akkużat jgħidlu ‘jekk tħobbni agħtini flusek’.

Dakinhar ir-raġel rnexxillu jaħrab l-għassa tal-Pulizija, wara li qal lill-akkużat li l-flus jinsabu fil-karozza.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Kurt Zahra filwaqt li l-avukati Franco Debono u Marion Camilleri qed jidhru għall-parte civile.

L-avukat Noel Bartolo qed jidher għall-akkużat.