“Qalgħet xebgħa għax kxifna illegalitajiet” – santwarju taż-żwiemel

RMJ’s Horse Rescue, santwarju taż-żwiemel f’Malta, qal li waħda mill-membri tagħhom ġiet aggredita għax is-santwarju kixef li s-sid tal-istalel kien qed jikrihom b’mod illegali. L-aggressjoni kienet ikkonfermata minn kelliem għall-Pulizija, li ddeskriva dak li seħħ bħala “argument bejn żewġ persuni”.  Iċ-Chairperson ta’ RMJ’s Horse Rescue, Corinne Farrugia, sostniet li  dak li qed jgħid li hu s-sid u sieħba tiegħu, qed jippruvaw jagħmlu l-ħajja tas-santwarju u l-membri diffiċli.

Skont post pubbliku li deher fuq Facebook, is-santwarju qal li waħda mill-membri nqabdet minn għonqha, intefgħet mal-art, u bdiet taqla’ daqqiet ta’ ponn. Kien f’dak il-ħin li membri oħra marru biex jgħinuha. Skont is-santwarju, kien hu li kixef li dak li kien qed jikrilhom l-istalel kien qed jagħmel hekk b’mod illegali, hekk kif is-sid tar-razzett huwa l-Gvern.

Corinne Farrugia spjegat li kienu daħlu fil-kwistjoni l-Awtorità tal-Artijiet li kienet qaltilhom biex jieqfu jħallsu l-kera lil dan li kien qed jikrilhom il-post. Żiedet tgħid li l-kera skadiet il-ġimgħa l-oħra, u li għalkemm dawn in-nies ma jistgħux ikeċċu lis-santwarju, qed jippruvaw “jagħmlu l-ħajja diffiċli”.

Is-santwarju qal li l-membri qed isofru minn theddid u minn provokazzjoni partikolarment mis-sieħba ta’ dak li qed jikrilhom. Minħabba dan l-att ta’ vjolenza, is-santwarju spjega li se jkollu jwaqqaf xogħlu bħala santwarju taż-żwiemel.

Is-santwarju spjega li dak li kien qed jikrilhom kien qalilhom li se jgħolli l-kera. Peress li s-santwarju ma kienx jiflaħ għal kera iżjed għolja, huwa għamel is-sitwazzjoni tiegħu pubblika, u b’hekk kien żvelat li dak li kien qed jikrilhom kien qed jikri stalel b’mod illegali.

Unfortunately what we were fearing would happen has in fact happened. As most of you know last month our landlord…

Posted by RMJ's Horse Rescue on Sunday, July 28, 2019

Aqra: Filmat u Ritratti: Ara xi jsir fl-uniku santwarju taż-żwiemel

RMJ Horse Rescue huwa l-uniku santwarju taż-żwiemel f’Malta. Il-volontiera jieħdu ħsieb żwiemel li fil-maġġoranza jkunu sejrin għall-qatla. Newsbook.com.mt kien tkellem ma’ Korin Farrugia li spjegat li ħafna miż-żwiemel ikunu nġiebu minn barra biex jieħdu sehem fil-ġiri. Iżda wara li dawn ma jibqgħux tajbin għall-kompetizzjonijiet, ħafna mid-drabi jittieħdu għall-qatla.