“Qalbi waqfet għal 7 minuti; salvani s-sieħeb” – attriċi

Amy Millns, attriċi Ingliża rrakkuntat kif wara ikla kbira u ftit televiżjoni, marret torqod u ftit wara tagħha attakk tal-qalb li ħalliha mejta għal seba’ minuti.

Irrakkuntat kif meta s-sieħeb tagħha, Luke, ipprova jqajjimha ma bdietx tirrispondi, iżda minnflok bdiet tagħti b’idejha u b’saqajha u tieħu nifsijiet bħal persuna li tinsab f’uġigħ kbir. Qalet kif l-aktar ħaġa diffiċli għalih kienet li jiddeċiedi jekk jgħajjatx għall-għajnuna jew jippruvax jagħti l-ewwel għajnuna hu stess. Madanakollu hu ddeċieda li jgħajjat għall-għajnuna ta’ oħt Amy li dakinhar kienet raqdet għandhom.

Spjegat kif malli waslu lura ħdejha fil-kamra kienet waqfet tiċċaqlaq u xofftejha saru blu. Oħtha bdiet tagħtiha s-CPR filwaqt s-sieħeb tagħha, Luke, ċempel 999. L-ambulanza tfaċċat biss 4 minuti wara t-telefonata. Spjegat kif il-paramediċi komplew jagħtuha s-CPR u ndunaw li kien tagħha attakk tal-qalb, u li qalbha kienet waqfet għal madwar seba’ minuti.

Tnax-il ġurnata wara l-każ, l-attriċi kellha tgħaddi minn operazzjoni tal-qalb sabiex jiġi nstallat defibrillatur u ngħatat mediċina li tikkontrolla r-ritmu tal-qalb. Madanakollu għadu mhux ikkonfermat x’wassal għal dan l-attakk tal-qalb.

X’għandek tagħmel jekk xi ħadd itih attakk tal-qalb?

Normalment ma hemmx sintomi li jġiegħluk tinduna li xi ħadd se jkun se jtih attakk tal-qalb. Madanakollu ejkk wieħed ma jieħux azzjoni immedjata meta dan iseħħ, jista’ jwassal għall-mewt tal-persuna.

Jekk xi ħadd itih attakk tal-qalb:

  • Se jintilef minn sensih
  • Mhux se jirreġixxi
  • Jieqfu jieħdu n-nifs, jew jieħdu n-nifs b’mod mhux normali

Jekk tixtieq tgħin, ċempel immedjatament fuq 112, u ibda s-CPR.