“Qalbi reġgħet mimlija” – infermiera Ingliża lura ma’ binha wara 11-il ġimgħa

Wara li għamlet 11-il ġimgħa separata minn ma’ binha, Charlotte Cole li taħdem bħala infermiera reġgħet ħadnitu magħha.

Il-BBC irrapporta l-istorja ta’ Cole, ta’ 30 sena minn Lancashire, li qalet li qalbha issa reġgħet mimlija wara li ngħaqdet mill-ġdid ma’ binha George. Sostniet li meta rat lil binha ġej jiġri lejha nfaqgħet tibki bil-ferħ.

George kien mar jgħix mal-ġenituri ta’ Cole wara li kien ikkonfermat li f’waħda mid-djar residenzjali fejn taħdem bħala infermiera kien hemm persuna pożittiva għall-coronavirus. Cole u r-raġel tagħha, Daniel Cole, ukoll ta’ 30 sena, kienu jivvjaġġaw biex jiltaqgħu ma’ binhom u jkellmuh minn wara tieqa.

L-infermiera qalet li hi riedet ukoll tipproteġi lil ommha Bridget ta’ 55 sena u missierha Robert ta’ 65 sena.

Iżda sa fl-aħħar, nhar il-Ġimgħa, il-familja ngħaqdet mill-ġdid.

“Ġie jiġri lejna u għannaqna. Ħassejtni kuntenta nżommu fi ħdani mill-ġdid u li nisma’ leħnu,” sostniet Cole.