“Qalbi maqsuma; kellna xi ħaġa speċjali” – is-sieħeb ta’ Caroline Flack

Is-sieħeb ta’ Caroline Flack, il-preżentatriċi Ingliża li mietet ilbieraħ fl-età ta’ 40 sena, qal li jinsab qalbu maqsuma hekk kif jemmen li kellhom xi ħaġa speċjali.

Hu qal dan permezz ta’ post fuq Instagram. Flack kienet tippreżenta l-programm televiżiv Love Island. Hi nstabet mejta fl-appartmanet tagħha f’Londra lbieraħ filgħaxija.

Lewis Burton qal fuq Instagram li n-nuqqas ta’ Flack qed jikkawżalu ħafna dieqa. Sostna li hu ċert li hi kienet tħossha sigura miegħu, u li hi kienet dejjem tgħidlu “meta nkun miegħek ma naħseb f’xejn aktar”. Sostna li hu se jagħmel minn kollox biex ikun il-vuċi tagħha u sabiex jassigura li l-mistoqsijiet kollha li kellha hi jiġu mwieġba.

L-avukat tal-familja qal li Flack ħadet ħajjitha b’idejha. Dan wara li l-kumpanija li kienet tirrappreżentaha qalet li hi kienet taħt pressjoni kbira wara li ġiet akkużata li aggrediet lil Burton. Hi kienet qalet li dan ma kienx minnu. Ix-xahar id-dieħel hi kienet mistennija tgħaddi ġuri.

Il-kumpanija kkritikat lill-prosekuturi talli komplew bil-każ minkejja li s-sieħeb tagħha ma kienx qed jissapportjah. Intant, il-Crown Prosecution Service qalu li kawża taċ-ċirkustanzi traġiċi madwar il-mewt ta’ Flack, mhux se jkunu qed jikkummentaw dwar spunti speċifiċi tal-każ.

Il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest ta’ Flack kienu waqqfuha milli jkollha kuntatt ma’ Burton qabel il-ġuri.

Jekk għaddej minn tbatija u għandek ħsibijiet dwar suwiċidju ċempel lil Crisis Resolution Malta fuq 99339966 jew ibgħat imejl fuq crisismalta@gmail.com. Issib professjonisti lesti biex jgħinuk 24 siegħa kuljum.