​Qalb tajba fuq il-Gozo Channel issib u trodd €2,000 u tablet

Ina Pavlova, li nsiet il-basket li fih kellha iPad ġdid u €2,000 fi flus kontanti fuq vapur tal-Gozo Channel, tinsab grata ħafna lejn impjegat tal-kumpanija, li ftit tal-ħin wara taha l-basket lura.
Ina rrakkuntat kif ilbieraħ waqt li kienet qed tirritorna lejn Malta minn Għawdex insiet il-basket tagħha fil-kafetterija tal-vapur. Kien biss meta waslet il-Madliena meta rrealizzat li ħalliet il-basket warajha, li kien fih ukoll dokumenti importanti.
Spjegat il-paniku li qabad lilha u lis-sieħeb tagħha, u dlonk bdiet iċċempel lil Gozo Channel. Qalet li tittama li ħadd ma jgħaddi mill-qtiegħ il-qalb li kellhom huma u jsuqu lura lejn iċ-Ċirkewwa, waqt li jċemplu u ma jaqbad ħadd.
Madanakollu, Ina ma damitx ma bdiet tieħu r-ruħ, hekk kif wieħed mill-uffiċjali tal-kumpanija kkomunika mal-kollegi tiegħu abbord il-vapur li kkonfermawlu li sabu basket.
Wara li għaddiet nofsiegħa, sakemm il-vapur wasal iċ-Ċirkewwa minn Għawdex, telgħu jiġru fuq il-vapur bit-tama li ma jsibux il-basket vojt.
Ina spjegat li hemmhekk sabu impjegat tal-kumpanija bi tbissima kbira fuq fommu, li taha l-basket. Irriżulta li kien hu stess li sab il-basket li minn ġo fih ma ntmess xejn.
Qalet li minkejja li offrewlu somma bħala ringrazzjament, l-impjegat baqa’ jinsisti li ma jistħoqqlux jeħodha u mistħi mistħi niżel l-isfel.
Ina qalet li kien dak il-ħin li nfaqet f’bikja, għax ma setgħetx temmen dak kollu li ġara f’temp ta’ ftit sigħat.