“Qalb miftuħa tgħin biex tagħmel il-ġid” – L-Isqof Awżiljarju l-ġdid

Kurja – knisja.mt/ritratti

L-Isqof Awżiljarju l-ġdid ta’ Malta Joseph Galea-Curmi qal li qalb miftuħa għal kulħadd u mimlija mħabba tgħin biex tingħad kelma ta’ ġid u jkun hemm attitudni ta’ inkoraġġiment, ta’ kompassjoni u ta’ maħfra.

Dan kien l-ewwel kliem ta’ Mons. Galea-Curmi wara l-Ordinazzjoni Episkopali li saret ilbieraħ.

L-Isqof Awżiljarju tkellem dwar il-motto li għażel, jiġifieri “ngħożżu l-ħajja bl-imħabba”. Qal li l-ħajja umana hija għażiża għax hija don ta’ Alla. Qal li għandha tiġi mgħożża mill-ewwel mument tat-tnissil sat-tmiem naturali tagħha. Spjega li l-ħajja ta’ kulħadd trid tiġi mgħożża, inkluż ta’ dawk li qed jissieltu għaliha f’nofs ta’ baħar u ta’ min ikun għaddej minn tbatija u qata’ qalbu mill-ħajja. Mons. Joseph Galea-Curmi qal ukoll li wieħed irid iħobb fil-ħajja ordinarja ta’ kuljum bil-kliem u bl-attenzjoni lejn il-proxxmu.

“Nixtieq li jkun dan l-ispirtu ta’ mħabba li jmexxini dejjem fil-missjoni tiegħi bħala Isqof, u jgħini biex inkun qaddej b’ħafna ferħ u serenità sal-aħħar.”

Hu irringrazzja lill-Arċisqof ta’ Malta tal-Ordinazzjoni u tal-ministeru tiegħu “ta’ ragħaj b’tant għerf u qalb kbira.” Qal li jitlob li Mons. Scicluna dejjem isib fih għajnuna kbira.

L-Isqof Awżiljarju rringrazzja wkoll lill-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona, lill-Isqfijiet  Mario Grech u Pawlu Darmanin, lis-saċerdoti, lill-awtoritajiet ċivili, u lill-komunitajiet parrokkjali ta’ Birkirkara (San Ġużepp Ħaddiem) u ta’ Ħal Balzan.

“Niftakar illum b’mod speċjali f’ommi u missieri li tawni tant għożża u mħabba, u nemmen li llum ukoll, li qegħdin fil-ħajja ta’ dejjem, huma ta’ għajnuna kbira u ta’ sostenn għalija” saħaq Mons. Joseph Galea-Curmi.

Tista’ taqra l-messaġġ sħiħ minn hawn: L-ewwel messaġġ