Qalb attakki personali Metsola tibqa’ tħeġġeġ liż-żgħażagħ jidħlu fil-politika

Il-Membru Parlamentari Ewropew tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola, iddeċidiet li tuża messaġġ ta’ mibgħeda mxerred fuq Facebook fil-konfront tagħha biex tħeġġeġ liż-żgħażagħ jidħlu għal karriera fil-politika.

Permezz ta’ post fuq Facebook, Metsola uriet messaġġ li kiteb dwarha, Mario Azzopardi, li kien serva bħala direttur artistiku għall-V18. Hu ddeskriva lil Metsola bħala persuna “marida” u qal li “pajjiżha joqbgħodha”.

Metsola qalet li għall-ewwel ma kinitx se tikkummenta fuq dak li kiteb Azzopardi. Spjegat li minħabba l-perjodu kurrenti u l-impatt li l-coronavirus qed iħalli fuq in-nies, kienet se tħalli l-kumment tiegħu għaddej. Qalet iżda li mbagħad iddeċidiet li taqsam punt. Metsola rrimarkat li mingħajr ma tidħol fil-kunċett ta’ partiti jew attiviżmu politiku, riedet isserraħ moħħ iż-żgħażagħ li qegħdin fil-politika jew iridu jidħlu f’partit politiku, li l-politika mhix kif qed jagħmilha Azzopardi.

“Il-politika hi prinċipji, valuri, issues li jagħmlu differenza għan-nies, ideat, ħidma biex il-pajjiż ikun aħjar. Tħallux lil xi ħadd bħal dan jaqtgħalkom qalbkom,” qalet Metsola.

Kompliet billi stiednet lil dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-pajjiż biex jinfluwenzaw u jersqu lejn il-politika. Qalet li jekk dawn ma jagħmlux hekk mela hemm riskju li l-postijiet vojta jintlew minn persuni li ma jkollhomx intenzjonijiet ġenwini. Hi kompliet billi rringrazzjat lil kull min b’xi mod jew ieħor jagħti kontribut fil-politika b’mod ġenwin.

Metsola temmet billi assigurat lil Azzopardi li t-tgħajjir, it-tixwix u l-mibgħeda ma jbeżżgħuhiex iżda jagħtuha d-determinazzjoni biex taħdem aktar.

Intant kienu bosta dawk li kkritikaw il-kumment ta’ Azzopardi fil-kummenti tal-post ta’ Metsola fuq Facebook. Min-naħa tiegħu Azzopardi wieġeb diversi minn dawn il-kummenti fejn baqa’ jippersisti fuq il-punti li għamel b’tgħajjir indirizzat lejn Metsola.

Ma kontx se nikkummenta fuq dak li kiteb Mario Azzopardi. F'dan iż-żmien ta' kriżi li l-COVID 19 ġab miegħu u l-impatt…

Posted by Roberta Metsola on Monday, April 27, 2020

“Li tgħajjar u tħajjar lil ħaddieħor jobgħod mhux aċċettabbli” – Rosianne Cutajar

Is-Segretarju Parlamentari tal-Partit Laburista Rosianne Cutajar sostniet li wieħed jgħajjar u jħajjar lil ħaddieħor jobgħod mhux aċċettabbli għaliha. Dan qalitu f’kuntest tal-messaġġ ta’ mibgħeda li rċeviet l-ewroparlamentari Metsola.

Fuq Facebook, Cutajar insistiet li dak li nkiteb fil-konfront ta’ Metsola huwa diżgustanti. Qalet li fil-politika tiddibatti u tħabbat l-ideat u se jirriżulta li mhux dejjem taqbel ma’ ħaddieħor. Qalet li hi ma tantx taqbel mal-ideat ta’ Metsola. Madanakollu sosniet li dan l-aġir mhux aċċettabbli.

“Hu dan in-nuqqas ta’ dibattitu ċivilizzat li jwassal għall-mibgħeda u iva, sfortunatament, għall-vjolenza. Ejja ma nkunux parti minnu,” insistiet Cutajar.

Dan li inkiteb fil-konfront tal-MEP Roberta Metsola huwa diżgustanti. M'għandix għalfejn niddefendiha, għax bħali hi…

Posted by Rosianne Cutajar on Tuesday, April 28, 2020