Qaddis mudell għas-Sinodu taż-Żgħażagħ

Nunzio Sulprizio se jkun kanonizzat waqt is-Sinodu dwr iż-Żgħażagħ biex ikun mudell għalihom

Il-Papa Franġisku se jikkanonizza lill-Beatu Nunzio Sulprizio, lajk Taljan li għex bejn l-1817 u l-1836, li miet ta’ 19-il sena, biex jagħti liż-żgħażagħ mudell tal-età tagħhom.  Il-Kanonizzazzjoni se ssir waqt is-Sinodu tal-Isqfijiet għaż-Żgħażagħ li se jsir f’Ottubru li ġej f’Ruma.

Sulprizion kien twieled fit-13 ta’ April 1817 f’Pescosansonesco u ta’ età żgħira safa orfni. Kellu jgħix ma’ zijuh li kien persuna vjolenti ħafna li kien isawtu ħafna. Kaġun ta’ din il-vjolenza, iż-żagħżugħ sofra minn ferita f’riġlu u ma kienx jimxi sew, tant li n-nies bdiet issejjaħlu “il-qaddis żagħżugħ zopp.”

Minkejja din il-kundizzjoni, iż-żagħżugħ kien jgħin pazjenti oħra fl-isptar u minkejja l-faqar tiegħu kien jipprova jtaffi l-miżerja tal-foqra. L-aħħar sentejn ta’ ħajtu għaddiehom fl-isptar ta’ Napli għal persuni b’mard li ma jitfejjaqx, u fil-fatt miet hemm fil-5 ta’ Mejju 1836 fl-età ta’ 19-il sena.

Il-Papa Pawlu VI li kien ibbeatifikah fl-1 ta’ Diċembru 1963 kien offrieh bħala mudell liż-żgħażagħ. “Dan jgħidilkom li intom, żgħażagħ, tistgħu tirriġeneraw fikom dinja fejn il-providenza sejħitilkom biex tgħixu u tiddedikaw ħajjitkom għas-salvazzjoni tas-soċjetà li għandha bżonn erwieħ b’saħħithom.”

Fil-kanonizzazzjoni li se ssir fl-14 ta’ Ottubru li ġej, se jkunu dikjarati sitt qaddisin oħra fosthom il-Papa Pawlu VI, l-Arċisqof Oscar Romero, żewġ saċerdoti Taljani, soru Ġermaniża u soru Spanjola.