“Qaċċtu l-karti tal-infurzar u komplew ix-xogħol f’Wied Qirda” – Moviment Graffitti

Read in English.

Moviment Graffitti esprima t-tħassib tiegħu wara li qal li l-karti tal-infurzar maħruġa mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) tqaċċtu u x-xogħol fuq Wied Qirda kompla qisu qatt ma kien xejn.

Fi stqarrija, Moviment Graffiti spjega li x-xogħlijiet f’Wied Qirda baqgħu għaddejjin minn Infrastructure Malta fl-aħħar ġimgħatejn ta’ Diċembru, waqt il-vaganzi, sabiex jiġi żviluppat pont f’żona protetta u li sostna huwa “bla permess”.

Il-Moviment spjega li l-ERA kienet ħarġet Ordni ta’ Waqfien u ta’ Konformità ġewwa Wied Qirda 50 ġurnata ilu. Qal li l-istess awtorità kienet diġà waqqfet lil Infrastructure Malta milli tkompli x-xogħol ta’ asfaltar, twessiegħ ta’ mogħdijiet u żvilupp ta’ pedamenti għall-istess pont.

Ġie spjegat kif Wied Qirda huwa żona ta’ konservazzjoni protetta, li skont il-liġi, ma jista’ jsir l-ebda zvilupp fih mingħajr awtorizzazzjoni mill-ERA, taħt l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent. Il-Moviment ipponta subajgħ lejn l-Inġinier Frederick Azzopardi, iddeskrivih bħala “l-id il-leminija tal-Ministru Ian Borg” u qal li Azzopardi spiss iħoss li huwa ‘l fuq mil-liġi. Insista li dan il-proġett huwa wieħed bħal dak ta’ Triq tal-Balal fejn sar twessigħ tat-triq.

Il-Moviment spjega li l-pont tal-konkos, li huwa wiesa’ disa’ metri qed jinbena biex joħloq aċċess bejn naħa u oħra tal-wied. Dan se jieħu post id-diga tal-konkos, li kienet ukoll tpoġġiet illegalment 20 sena ilu.

L-attivisti għall-ambjent staqsew għaliex wara 50 jum, l-Awtorità tal-Ippjanar ma ħadet l-ebda azzjoni fuq dan l-iżvilupp, u għaliex Infrastructure Malta naqset milli tikkopera mal-ERA.

“Naqbel li titneħħa d-diga tal-konkos imma…” – Kunsillier

Il-Kunsillier Indipendenti ta’ Ħaż-Żebbuġ, Steve Zammit Lupi qal li hu jaqbel li titneħħa d-diga tal-konkos illegali li tpoġġa hawn 20 sena ilu. Qal iżda li ma saret l-ebda applikazzjoni ta’ żvilupp mal-Awtorità tal-Ippjanar u l-ERA ma ħarġet l-ebda awtorizzazzjoni biex jinbena l-pont.

Irrimarka li ħadd ma jaf x’qed jiġri eżatt u kif. Dan għaliex il-pjanti mhumiex pubbliċi ladarba ma hemmx applikazzjoni u lanqas ma hemm skutinju ambjentali.

48 ġurnata ilu l-ERA kienet ħarġet Ordni ta' Waqfien u ta' Konformità b'reazzjoni għax-xogħlijiet infrastrutturali li…

Posted by Steve Zammit Lupi on Thursday, January 2, 2020