“Qabżitli demgħa malli qaluli r-riżultat” – Theresa May

Il-Prim Ministru Ingliż Theresa May irrakkuntat għall-ewwel darba kif ħassitha meta bdew ħerġin l-indikazzjonijiet tar-riżultat tal-elezzjoni ġenerali u indunat li kienet se titlef il-maġġoranza.
Waqt intervista fuq BBC Radio 5, May qalet li ħarġitilha demgħa malli r-raġel tagħha Philip qalilha r-riżultat.
Theresa May iddeskrivit l-aħbar bħala “xokk totali.”
“Ir-raġel tagħni tgħanniqa,” kompliet tgħid May. “Qabżitli demgħa.”
Il-Prim Ministru Ingliż ammettiet li l-kampanja tagħha ma kinitx waħda perfetta, imma qalet li l-indikazzjonjiet kienu dejjem li se żżid il-maġġoranza.
Biex setgħet tiggverna komda, Theresa May kellha tilħaq qbil mal-Partit tal-Unjonisti Demokratiċi (DUP) mill-Irlanda ta’ Fuq.