Qabża kbira għan-nisa Maltin fix-xogħol u d-dħul – EIGE

Mill-2005 sal-2015, il-parteċipazzjoni tan-nisa Maltin fid-dinja tax-xogħol kibret b’10.2 punti,hekk kif iktar nisa daħlu lura x-xogħol. Dan irriżulta f‘żieda fid-dħul tagħhom bi 12.1 punt fl-istess perjodu.
Dawn kienu fost ir-riżultati li ħarġu fir-rapport tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE), li tnieda llum, fil-Jum Internazzjonali tat-Tifla, waqt konferenza fi Brussell li attenda għaliha Newsbook.com.mt.
Dan ir-rapport jikkalkula d-distakk fl-aċċess tal-irġiel u n-nisa f’sitt oqsma ewlenin: ix-xogħol, id-dħul finanzjarju, l-għerf, il-ħin, is-saħħa u l-poter. 
Mill-informazzjoni li ġabret, l-EIGE tikkonkludi li minkejja li għad baqagħlha x’taqdef, Malta għamlet qabża ‘l quddiem mill-2012 sal-2015, hekk kif il-punti li ġabet fl-oqsma msemmija żdiedu minn 57.8 għal 60.1. Dan ir-riżultat ipoġġiha fis-16-il post mit-28 Stat Membru.
Minn 28 stat membru tal-Unjoni Ewropea, Malta ġiet fit-tielet post għas-saħħa tan-nisa, fl-għaxar post għall-għerf, fil-ħdax-il post għad-dħul finanzjarju u fl-erbatax-il post għall-ħin.
Minkejja li Malta għamlet progress kbir fil-qasam tax-xogħol, l-agħar riżultati li kisbet meta mqabbla mal-bqija tal-istati membri kienu fl-oqsma tax-xogħol u tal-poter, hekk kif ġiet fit-18 u t-23 post, rispettivament.
Id-distakk bejn ir-rati tal-impjiegi tan-nisa u tal-irġiel baqa’ fost l-ikbar fl-Unjoni Ewropea, hekk kif inqas minn 10% ta’ diretturi ta’ kumpaniji Maltin huma nisa.
Fl-isfera politika Maltija jidher ukoll dan in-nuqqas ta’ rappreżentanza femminili. Fil-fatt, mill-2005 ‘l hawn, ir-rappreżentanza tan-nisa Maltin f’oqsma fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet kienet fost l-inqas fl-Ewropa. Għalhekk, dan qed iwassal biex f’Malta, u anke fil-Greċja, Ċipru, l-Ungerija u l-Islovakkja, l-irġiel qed ikunu rrappreżentati żżejjed fil-gvernijiet nazzjonali.
Waqt it-tnedija tal-Indiċi, id-direttriċi tal-EIGE, Virginija Langbakk, irrimarkat li l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea għad baqagħlhom x’jaqdfu biex jegħlbu l-inugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fis-soċjetajiet tagħhom.
Il-Kummissarju għall-Ġustizzja, il-Konsumatur u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, Věra Jourová, qalet li fis-sena li ġejja se tipproponi iktar miżuri li jagħtu iktar opportunitajiet lin-nisa. Temmet tgħid li l-ugwaljanza għaliha ma tfissirx li n-nisa jsiru bħall-irġiel, iżda li t-tnejn ikollhom l-istess għażliet u opportunitajiet. 
"Mhux aċċettabbli li Malta waqgħet lura fis-sehem tan-nisa fil-poter" – Miriam Dalli 
Sadanittant, fi stqarrija maħruġa mill-Membru Ewroparlamentari Miriam Dalli, intqal li dan ir-rapport juri li l-introduzzjoni ta' miżuri leġiżlattivi u dibattiti pubbliċi b'saħħithom, kienu l-inizjattivi li naqqsu d-diskrepanza bejn nisa u rġiel fil-parlamenti tal-istati membri u anke fil-bordijiet ta' korporazzjonijiet. 
Dr Dalli saħqet li mhux aċċettabbli li Malta waqgħet partikolarment lura meta kien imkejjel is-sehem tan-nisa fil-poter, hekk kif fl-aħħar 10 snin, l-avvanz kien minimu ħafna.
"Riżultati aħjar minn kumpaniji b'nisa fl-ogħla karigi" – Helena Dalli
Waqt seminar organizzat mid-Diretturi Nisa f’Malta, il-Ministru għall-Ugwaljanza Helena Dalli, qalet li kumpaniji b’rappreżentanza akbar ta’ nisa f’livelli għolja, iwasslu riżultati organizzazzjonali u finanzjarji aħjar.
Il-Ministru Dalli rrimarkat li minkejja li r-rata ta’ impjiegi fost in-nisa żdiedet b’5.9% fl-aħħar tliet snin u li 57% tal-gradwati huma nisa, 4.5% biss huma membri tal-bordijiet tal-kumpaniji rreġistrati f’Malta.
"Irridu nħeġġu lil iktar nisa Maltin jidħlu fis-suq tax-xogħol" – NCPE
Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) qalet fi stqarrija li se tkompli taħdem sabiex tegħleb l-isfidi li qed iżommu n-nisa Maltin lura milli jipparteċipaw fid-dinja tax-xogħol u milli jkollhom iktar poter, sabiex il-pożizzjoni tal-pajjiż fost stati membri oħra titjieb.  
Tista' taqra r-rapport sħiħ hawnhekk: