Qabel qatel il-pulizija tefa’ diversi filmati fuq Youtube

Iż-żagħżugħ identifikat li kien wieħed minn tlieta li qatlu tliet uffiċjali tal-pulizija f’Baton Rouge, kien jitfa’ filmati fuq il-midja soċjali jilmenta dwar kif il-pulizija fl-Istati Uniti tittratta Amerikani ta' karnaġjon skur.
F’wieħed mill-filmati, iż-żagħżugħ iħeġġeġ żgħażagħ bħalu biex “jiġġieldu lura.”
Gavin Long, eks suldat li għandu 29 sena, inqatel mill-pulizija wara li kien wieħed minn dawk li spara u qatel tliet uffiċjali tal-pulizija.
F’filmat ieħor, Long jgħid li jekk jiġrilu xi ħaġa, irid jagħmilha ċara li hu ma jifforma parti mill-ebda grupp terroristiku.
Intant ġie ppublikat ritratt ta' wieħed mill-pulizija maqtula flimkien ma' ibnu ta' ftit xhur.
Ironikament, anke dan kien ta' karnaġjon skura.
Din kienet it-tieni sparatura mdemmija fl-Istati Uniti, li ħalliet uffiċjali tal-pulizija mejta.
Din id-darba l-attakk seħħ fil-belt ta’ Baton Rouge fl-istat ta’ Louisana.
3 pulizija kienu kkonfermati mejta u tliet persuni oħra weġġgħu, waqt l-isparatura li ġrat ftit ‘il bogħod mill-kwartieri ġenerali tal-pulizija f’Baton Rouge.