“Qabel ma qatluhuli qalli: Ma, inħobbok”

Omm Brandon Pace, li nqatel waqt argument fil-Ħamrun irrakkontat it-trawma li għaddiet minnha meta rat lil binha jmut quddiemha. Bi dmugħ f’għajnejha qalet li l-aħħar kliem li kien qalilha huma “Ma, inħobbok”.
Hija kienet qed tixhed fil-kawża kontra żagħżugħ ta’ 23 sena u missieru ta’ 53 sena, li jinsabu mixlija bil-qtil ta’ Pace li kellu 21 sena.
L-omm qalet li binha rari kien jiftaħ qalbu magħha iżda dakinhar tal-każ kien tkellem magħha fuq affarijiet personali tiegħu.
Waqt li bdiet tirrakkonta x’ġara fil-jum tad-delitt, l-omm qalet li kellha bżonn tmur tara lil ħuh u meta waslet id-dar rat lil Brandon fil-gallarija bit-tifel tal-partner tiegħu, li jiġi iben l-akkużat.
Żiedet tgħid li xħin kienet fil-kċina semgħet lill-partner ta’ Brandon tiġġieled mal-ġenituri tal-akkużat u wara daħlet tgħidilha li kienu ġejjin. Qalet li hi ħarġet fil-gallarija u rat lill-akkużati quddiem id-dar.
Irrakontat kif dlonk daħlet u wissiet lill-partner ta’ binha biex ma tgħid xejn lil Brandon, li dak il-ħin kien qed jinħasel. Qalet li semgħet il-bieb tal-komun jinfaqa’ u marret isfel biex tara x’ġara. Spjegat li dlonk rat lil binha ħiereġ mill-appartament b’sikkina f’idu u l-akkużat u binha bdew jiġru wara xulxin. Stqarret li ħin minnhom binha żelaq u l-akkużat tela’ fuqu u tah daqqtejn ta’ sikkina f’ġenbu.
L-omm qalet li dak il-ħin qabdet skwiżer u bdiet tagħti lill-akkużat biex iqum minn fuq binha. Kompliet tgħid li dak il-ħin waslet bintha u għinitha tqajjem lil Brandon fuq saqajh u ħaduh lejn id-dar. Żiedet tgħid li fil-pront ġie missier l-akkużat u tah daqqtejn ta’ sikkina f’dahru.
Qalet li hekk kif qalilha “ma, inħobbok”, hija dahret lejn l-akkużat u qaltlu “qtiltuhuli”. Żiedet tgħid li l-akkużat weġibha “ħallih ħa jmut”.