“Qabel it-twelid xorta kkunsidrati tfal” – Fondazzjoni Life Network

Il-Fondazzjoni Life Network sostniet li l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal tipproteġi lit-tfal ukoll qabel it-twelid, hekk kif xorta huma kkunsidrati taħt id-definizzjoni ta’ “tfal”.

Fi stqarrija, l-għaqda kkundannat stqarrija maħruġa mill-Kummissarju għat-Tfal li qieset li kienet skorretta. Skont l-għaqda, din l-istqarrija kienet qalet li l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal kienet vaga dwar it-tifsira ta’ min huma t-tfal u qalet biss li t-tfal ma jibqgħux tfal meta jsiru maġġorenni.

Skont il-Fondazzjoni Life Network, l-Artikolu 9(h) tal-Att dwar il-Kummissarju għat-Tfal jgħid illi wieħed mid-dmirijiet tal-Kummissarju huwa “li jippromwovi l-ogħla standards ta’ servizzi ta’ saħħa u servizzi soċjali għan-nisa waqt it-tqala tagħhom u li jippromwovi l-ħarsien u l-protezzjoni speċjali, inkluża l-protezzjoni legali xierqa, għat-tfal kemm qabel kif ukoll wara t-twelid”.

B’hekk, fi kliem il-fondazzjoni, l-Artikolu 9(h) jirrifletti it–tagħrif li t-tfal qabel it-twelid huma tfal u għandhom ikunu reċipjent tad-drittijiet, inkluż id-dritt għall-ħajja.

Aqra: Il-Kummissarju għat-Tfal għandha tipproteġi lit-tfal qabel it-twelid – Doctors for Life

Il-grupp Doctors for Life ukoll kienu qalu li l-Kummissarju għat-Tfal għandha l-irwol li tippromwovi “il-ħarsien u l-protezzjoni speċjali għat-tfal kemm qabel kif ukoll wara t-twelid.”

Aqra: Il-Kummissarju tat-Tfal imħassba li l-liġi tista’ ma tipproteġix it-tfal fil-ġuf

Però, fi stqarrija l-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-Tfal kien qal li kemm il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet tat-Tfal kif ukoll l-Att dwar il-Kummissarju għat-Tfal jiddefinixxu li t-tfal huma l-persuni taħt l-età ta’ tmintax-il sena, u dan jinkludi wkoll it-tfal qabel it-twelid.