Qabel instabet mejta l-avukat kienet qalet lil żewġha biex jieqaf jiffastidjaha

Matul il-ġuri tal-Libjan ta’ 36 sena, li jinsab akkużat li qatel lil martu li kienet avukat, fil-Qorti ġie ppreżentat messaġġ li l-mara bagħtet lill-akkużat dakinhar li nstabet mejta u li fih qed titolbu biex jieqaf jagħtiha fastidju.
Margaret Mifsud instabet mejta fil-karozza tagħha f’Baħar iċ-Ċagħaq fid-19 ta’ April tal-2012.
Fil-Qorti ntqal ukoll li fil-messaġġi fuq il-mowbajl, il-vittma kienet tgħid li se tieħu lil uliedha l-Appoġġ biex ikollhom is-sigurtà u l-uniku mod sigur biex tkellimhom kien permezz ta’ Skype.
Il-Libjan iżda qal li l-avukata kienet tafdah u li kieku hu bniedem ħażin ma kinitx taħdah b’affarijiet bħall-karta tal-kreditu.
Saħaq li ma kellux raġuni għaliex iweġġa’ lil martu.
Qal li l-aħħar li ra lil martu kien qabel ma marret tiekol flimkien ma’ sħabha.
Il-prosekuzzjoni staqsiet lill-akkużat jekk hux jivvinta din id-dikjarazzjoni minħabba li kien jaf li mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija kienu se jinstabu traċċi tad-DNA fuq il-katavru tal-avukata.
Saret referenza għax-xiehda tal-espert forensiku, li qalet li kien hemm iżjed DNA tal-akkużat taħt id-dwiefer tal-vittma milli tagħha stess u li dan jista’ jindika li l-Libjan kien l-aħħar persuna li rat qabel mietet.
L-akkużat wieġeb li ma jafx jekk hu kienx l-aħħar persuna li rat martu.
L-Imħallef Antonio Mizzi qed jippresedi dan il-ġuri.