Qabel immut nixtieq nara l-Knisja titwieled mill-ġdid – l-Isqof ta’ Għawdex

Read in English.

L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech qal li qabel ma jmut jixtieq jara l-Knisja titwieled mill-ġdid.

Mons. Grech qal dan waqt il-Pontifikal fis-Solennità tat-Twelid tal-Verġni Mqaddsa Marija, fil-Bażilika tax-Xagħra. Illum ta wkoll il-mandat lil grupp ta’ żgħażagħ mill-komunità ta’ Ġesù Nazzarenu li se jitilqu għal esperjenza missjunarja fil-Gwatemala.

L-Isqof qal li t-Twelid ta’ Marija Bambina għandu jnissel fin-nies ix-xewqa li jitwieledu mill-ġdid.

“Jien għandi xewqa li qabel immut nara l-Knisja tagħna titwieled mill-ġdid! Imma hawn ħafna li jriduha tibqa’ fil-ġuf – ħafna li qed jimbuttawha ’l ġewwa biex ma toħroġx,” qal Mons. Grech. Qal li jkun hemm riskju li jiġri “bħal dik it-tarbija li meta ma titwelidx fi żmienha, imbagħad titwieled mejta.”

L-Isqof ta’ Għawdex sellem lill-grupp taż-żagħżagħ li se jmorru l-Gwatemala fejn hemm żewġ missjunarji Għawdxin, Dun Anton Grech u Dun Mario Curmi.

“Fil-Knisja tagħna hemm diversi affarijiet li jtaqqluli qalbi, imma meta nara lilkom, qalbi tintrefa’ ’l fuq u nissaħħaħ fit-tama,” qal l-Isqof.