“Qabel il-quddiesa għandna ninġabru fis-silenzju u mhux fit-tpaċpiċ” – Franġisku

Qabel tibda l-quddiesa l-Insara għandhom jagħmlu ftit ħin fis-silenzju, jippreparaw biex jiltaqgħu ma’ Alla u mhux joqogħdu jpaċpċu bejniethom. “Is-silenzju hu importanti ħafna. Ftakru x’għidtilkom il-ġimgħa l-oħra. Mhux se mmorru għal xi wirja. Is-silenzju jippreparana u jakkumpanjana”, qal il-Papa Franġisku lill-ġemgħa miġbura għall-udjenza ta’ nhar l-Erbgħa li għadda.
Din kienet it-tieni rakkomandazzjoni tal-Papa dwar il-quddiesa. 
Il-ġimgħa l-oħra qal li ma jridx jara min jieħu ritratti bil-mowbajl waqt il-quddies. Hu sostna li l-quddiesa hi l-ogħla talba u l-aktar waħda konkreta biex il-bniedem jiltaqa’ ma’ Alla.
“Din hi l-akbar grazzja: li nesperjenzaw li l-Ewkaristija hi l-mument privileġġjat biex inkunu ma’ Kristu u permezz tiegħu ma’ Alla u ma ħutna l-oħra”, spjega l-Papa Franġisku.
Hu kompla li fl-Evanġelju Ġesù jgħallem lid-dixxipli tiegħu li l-ewwel ħaġa meħtieġa biex wieħed jitlob hi “li wieħed ikun jaf kif jgħid ‘missier” u jafda f’Alla b’umiltà ta’ tifel żgħir.
L-Insara jridu jħallu  lilhom infushom “ikunu sorpriżi bil-laqgħa tagħhom mal-Mulej”, qal il-Papa, “u mhux sempliċement ikellmu lil Alla bħal pappagalli, jirrepetu l-kliem tat-talb bla ma jaħsbu u jirriflettu fuqu”.
“Il-laqgħa ma’ Alla hi laqgħa ħajja,” kompla jinsisti l-Papa. “Mhix laqgħa f’xi mużew, hi laqgħa ħajja. U aħna mmorru għall-quddies u mhux għal żjara f’xi mużew! Immorru għal laqgħa ħajja ma’ Alla”.
Il-Papa żied jgħid li l-quddiesa hi wkoll rigal u konsolazzjoni fejn l-Insara jiskorpu li l-akbar sorpriża ta’ Alla hi li “hu jħobbna anki fid-dgħufija tagħna”.
“Il-Mulej jiltaqa’ mal-fraġilità tagħna. Dan hu l-ambjent tal-quddiesa. Dan hu t-talb”, kompla jinsisti l-Papa mal-ġemgħa kbira ta’ nies quddiemu.