“Qabel il-grilling staqsewni jekk ħadulix kampjun tad-demm fuq droga”

L-eks-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Toni Abela qal kif qabel il-grilling għall-membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, staqsewh jekk qattx ħadulu kampjun tad-demm, biex jaraw jekk kellux rabtiet mad-droga.
Waqt il-programm Ma’ Bundy fuq RTK, l-avukat Toni Abela spjega kif baqa’ skantat bil-mistoqsija, li kienet relatata mal-każ tal-“blokka l-bajda” fil-każin ta’ Ħal Safi, fejn kien insista li ma kien se jittollera ebda ksur ta’ liġi.
Dr Abela semma kif għall-grilling għamel xahrejn jistudja u ħass li kien ippreparat, iżda “qatt ma bsart li bil-mistoqsijiet tagħhom kienu se jqattgħu fil-karattru tiegħi.” Qal li fost l-oħrajn staqsewh fuq it-temperament tiegħu, żewġ disprezzi tal-Qorti u l-mass meeting ta’ Santa Luċija.
Stqarr li ħa l-messaġġ li waqt il-grilling kienu qed ifittxu r-raġuni biex jgħidulu ‘le’ għax dak li kellu jitkellem fuqu dakinhar ma kienx mistoqsi dwaru.
“Joseph Muscat fl-ebda mument ma riedni nitlaq”
Abela, li sa ftit żmien ilu kien Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit tal-PL qal li Joseph Muscat fl-ebda mument ma  riedu jitlaq minn Deputat Mexxej, iżda kienu hu stess li kien jitolbu biex jitlaq.
Spjega li wara tmien snin jaħdem bħala Deputat Mexxej, għajja u ma fadallux enerġija, issa li għandu 59 sena. “Nemmen li sal-elezzjoni li ġejja jkun hemm deputat mexxej aktar żagħżugħ u aktar enerġetiku,” kompla jgħid.
“Inti titlaq meta nitlaq jien” – Il-Prim Ministru lil Toni Abela
Toni Abela qal li Joseph Muscat dejjem kien jgħidlu, “inti titlaq meta nitlaq jien.”
Spjega li lill-Kap Laburista dejjem urieh li jixtieq servizz inqas impenjattiv, u li meta staqsieh jekk hux interessat, ħasibha u ddeċiedha li jaċċetta.