Qabduhom bid-droga f’toilet f’Marsaskala

Pulizija ta' Malta

Read in English.

Żewġt irġiel inqabdu jieħdu d-droga f’toilet f’ħanut f’Marsaskala. Fi stqarrija, il-Pulizija qalu li wara jiem ta’ osservazzjoni, tard ilbieraħ filgħaxija fil-lokalita’ ta’ Marsaskala sar rejd mill-iskwadra ta’ kontra d-droga ġo stabbiliment fi Triq il-Qaliet, minn fejn ġew arrestati żewġt irġiel Serbi ta’ 41 u 37 sena residenti Malta.

Is-Serbi kienu qed jikkunsmaw id-droga, allegatament kokaina, fit-toilet ta’ l-istess lokal. Ġie arrestat ukoll il-persuna li tieħu ħsieb l-istabbiliment, raġel ta’ 54 sena residenti Ħaż- Żabbar.

Bl-assistenza tal-klieb mis-sezzjoni tal-k9, il-Pulizija sabu biċċiet tar-raża tal-kannabis taħt is-sink. Instabu wkoll 47 gramma sustanza li tidher kokaina u 55 gramma sustanza aktarx pjanta tal-kannabis. Dan flimkien ma’ miżien eletroniku u affarijiet oħra relatati mat-traffikar tad-droga.

Instab ukoll ammont konsiderevoli ta’ flus kontanti ġo diversi boroż tal-plastik fis-safe tal-istess stabbiliment u anke fir-residenza tal-istess operatur tal-istabbiliment.

Il-Maġistrat tal-Għassa Estrid May Grima ħatret diversi esperti sabiex jassistuha

fl-Inkjesta Maġisterjali. It-tliet irġiel qed jinżammu biex jgħinu fl-investigazzjonijiet li għadhom għaddejjin mill-iskwadra ta’ kontra l-vizzju tad-droga, flimkien mal-iskwadra ta’ kontra l-ħasil tal-flus.