Qabduh minn għonqu, tefgħuh fl-art u serquh; 3 arrestati

Tliet żgħażagħ Somali ġew arrestati b’rabta ma’ aggressjoni u serqa li seħħet f’San Ġiljan iktar minn ġimagħtejn ilu.

Il-każ seħħ fil-21 ta’ Ottubru li għadda ftit qabel it-3am fi Triq San Ġorġ. Ir-rapport sar minn Ungeriż ta’ 27 sena fl-Għassa ta’ San Ġiljan, li qal lill-Pulizija li ġie aggredit u misruq.

Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li l-investigazzjonijiet urew li wieħed mill-aggressuri qabad lill-vittma minn għonqu u tefgħu fl-art, filwaqt li l-oħrajn serqulu l-arloġġ minn idejh u l-oġġetti li kellu fil-but. Iż-żgħażagħ, tnejn ta’ 24 sena u ieħor ta’ 26 sena ħarbu minn fuq il-post.

Eventwalment, l-irġiel ġew identifikati u arrestati. Huma mistennija jitressqu l-Qorti għada.