Qabduh bid-droga qrib post tad-divertiment; inżamm arrestat

Raġel ta’ 24 sena nżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati li fil-pussess tiegħu kellu d-droga li ma kinitx għall-użu personali tiegħu. Huwa kien akkużat ukoll li kien reċediv.

Fil-Qorti, ir-raġel li huwa mill-Ħamrun, kien arrestat il-Ħadd li għadda viċin post tad-divertiment f’San Ġwann. Wara tfittxija li saret fuq ir-raġel, il-Pulizija sabet 45 pinnola ecstasy moħbija fil-qalziet ta’ taħt, 30 pakkett kokaina u joint. Fid-dar tal-akkużat instabu €500 f’karti tal-€100.

Ir-raġel kien akkużat li kien fil-pussess tad-droga li ma kinitx għall-użu personali tiegħu, li hu reċediv u li kien viċin post fejn ikun frekwentat miż-żgħażagħ.

Għal dawn l-akkużi, l-imputat wieġeb li mhux ħati, bl-avukat tad-difiża ma jitlobx il-ħelsien mill-arrest minħabba l-akkużi li kiser l-ordnijiet li kienu imposti fuqu 2017. L-avukat tad-difiża talab li l-akkużat jitpoġġa taħt ordni ta’ superviżjoni biex jindirizza xi problemi li għandu.

L-avukati Franco Debono u Amadeus Cachia dehru għall-akkużat.