Jinqabad vann mimli 551 għasfur tal-għana

Membri mill-iskwadra tal-Infurzar tad-Dwana matul il-lejl li għadda rnexxielhom jaqbdu vann li prova jdaħħal illegalment f’Malta 551 għasfur tal-għana.

Uffiċjali tad-Dwana, meta dan il-lejl daħal Malta karamaran minn Sqallija, u bdew ifittxu fil-vann, fost kaxxi bil-larinġ, sabu friskatur tal-plastik bis-silġ li meta tneħħa, indunaw li ħdejh kien hemm imqabbda żewġ fannijiet żgħar.

Tfittxija aktar fil-fond waslet għal qabda ta’ 551 għasfur tal-għana fosthom: taż-żebbuġ, ekri, vrieden, apparelli u sponsuni. Dawn kienu moħbija fuq wara tal-vann fi 18-il kontenitur tal-injam u disa’ kontenituri tal-plastik.

Id-Dwana infurmat lill-Pulizija u lill-Avi Fauna Section tal-MEPA li daħlu huma wkoll fl-investigazzjonijiet.

L-għasafar ingħataw f’idejn is-Sezzjoni tal-Kwarantina tal-Gvern, u l-vann qed jinżamm għal iktar stħarriġ.