Qabda rekord ta’ antikitajiet misruqa

Qabda rekord ta’ iktar minn 5,000 oġġett ta’ antikità wasslet biex il-Pulizija Taljana rnexxielha tkisser ċirku ta’ traffikanti illegali ta’ oġġetti tal-arti.
L-oġġetti misjuba fi mħażen fil-belt ta’ Basel fl-Iżvizzera, imorru lura għall-perjodu bejn is-sena 700 Q.K. u 300 W.K.
Jinkludu biċċiet tal-fuħħar, affreski, statwi u oġġetti dekorattivi oħra u huma meqjusa li għandhom valur ta’ madwar €50 miljun.
Mill-investigazzjonijiet ħareġ li mużewijiet fil-Ġappun, fil-Ġermanja, fl-Istati Uniti, fir-Renju Unit u fl-Awstralja kienu xtraw antikitajiet mingħand dawn it-traffikanti, li madankollu kienu jippreżentawlhom ċertifikati foloz.