Qabad u ħoloq zoo; l-Awtorità tal-Ippjanar tirrifjuta l-permess

L-Awtorità tal-Ippjanar irrifjutat applikazzjoni biex tagħti permess lil xogħlijiet li saru fuq art agrikola fir-Rabat u li bħalissa qiegħda tintuża bħala zoo.
Fid-deċiżjoni tagħha, l-Awtorità tal-Ippjanar tinnota li dan l-iżvilupp jinsab f’żona barra mill-iżvilupp, f’żona magħrufa bħala Ta’ San Pawl Kuntent.
Dwar dan ix-xogħol illegali, l-Awtorità tal-Ippjanar kienet diġà ħarġet ordni ta’ infurzar.
L-applikant qabad u poġġa fuq din l-art gaġġa kbira tal-metal, ħaffer biex ikun jista’ jagħmel imħażen, ħadem numru ta’ stalel, strutturi oħra u ħitan tas-sejjiegħ.
Fl-applikazzjoni tiegħu, is-sid ried iżid iżjed gaġeġ u anke faċilitajiet għall-viżitaturi. 
Apparti minn hekk, il-Bord innota li l-art hija propjetà tal-Gvern u għalhekk l-applikant kellu l-ewwel jitlob il-permess mill-Awtorità tal-Gvern responsabbli mill-propjetà kif titlob il-liġi.