Budget 2018: “Qabad jimxi fuq il-bini vojt, imma baqa’ jitnikker fuq it-traffiku u t-tniġġis” – AD

Hekk kif intemm il-budget u kulħadd sema’ l-pjan ekonomiku għal Malta kif impoġġi quddiem il-Kamra tar-Rappreżentanti mill-Ministru Edward Scicluna, kienu bosta dawk l-entitajiet minn kull sfera tal-ħajja pubblika li kkummentaw dwar parti jew il-baġit kollu.
Fost l-oħrajn kienet minn tal-ewwel li kkummentat l-Alternattiva Demokratika, li filwaqt li faħħret lill-Gvern talli fetaħ għajnejh dwar il-bini vojt, irrimarkat li għadu qed jitnikker dwar it-traffiku u t-tniġġis.
Iċ-Ċermen tal-AD, Carmel Cacopardo, qal li l-Gvern finalment qed jagħtiha widen bil-proposti tiegħu dwar il-postijiet vojta.
“Il-Gvern iżda qed jipposponi l-intervent neċessarju fis-suq privat tal-kera. Is-suq qed ifalli bil-kbir u intervent tal-istat huwa assolutament neċessarju issa”, kompla Cacopardo.
Dwar it-traffiku, l-AD kkummentat li l-Gvern jaħseb li billi jirranġa t-toroq u jibni l-flyovers se jirranġa l-problema tat-traffiku fit-tul. Cacopardo jqabbel lill-Gvern ma’ persuna li għandha piż żejjed u twessa’ ħwejjiġha biex ‘issolvi’ l-problema flok ma tikkonsidra bis-serjeta l-ħtiega tad-dieta.
Isostni li l-politika tal-Partit Laburista fit-traffiku hi l-istess bħal dik tal-Partit Nazzjonalista, u b’hekk se jiżdied il-mard respiratorju u t-tniggis fl-arja.
L-AD ikkummentat ukoll dwar il-wegħda ta’ ħafna studji fuq oqsma differenti, u qalet li bl-istudji fuq l-affarijiet ovvji mhu se naslu mkien. Meħtieġa deċiżjonijiet, mhux studji biss, tisħaq l-Alternattiva.
Faħħret l-iskema ta’ depożitu fuq kontenituri tax-xorb, u dwar l-iskart qalet li proposti li jnaqqsu r-riċiklaġġ fiż-żmien qasir mhumiex aċċettabbli.
“Fir-rigward tal-enerġija rinovabbli jidher li l-Gvern qed jimmira biss għall-minimu”, qalet l-Alternattiva dwar dan il-qasam.