“Qabad jgħajjat biex iwaqqaf tal-linja; aggredixxa lix-xufier”

Persuni li kienu fuq tal-linja spiċċaw xhieda ta’ argument li beda minn raġel li qabad jgħajjat ma’ xufier biex iwaqqaf il-karozza tal-linja u meta dan waqqaflu saħansitra aggredieh.
Żagħżugħ spjega fuq Facebook kif ir-raġel li għandu madwar 30 sena u li huwa Malti għafas il-buttuna li tagħmel sinjal lix-xufier biex jieqaf, tard wisq għax-xufier biex jieqaf fil-waqfa li kien imiss fil-Furjana.
Għaldaqstant, ir-raġel qabad jgħajjat max-xufier biex jieqaf. Spjega kif ix-xufier kien ħanin biżżejjed sabiex iwaqqaf il-karozza tal-linja mill-ewwel sabiex ir-raġel ikun jista’ jinżel.
Irrakkonta kif ir-raġel mar ħdejn ix-xufier u kompla jgħajjat miegħu, fejn anke pprova jħebb għalih. Kien hawn x’ħin żewġ persuni marru jwaqqfu lir-raġel milli jkompli joħloq it-tensjoni żejda.
Ir-raġel niżel minn tal-linja u ta daqqa ta’ ponn mal-bieba. Iż-żagħżugħ spjega kif ħalla lil kulħadd, inkluż lix-xufier b’xokk fuqhom.
Iż-żagħżugħ insista li x-xufiera tal-linja għandhom bżonn aktar protezzjoni fuq ix-xogħol tagħhom sabiex sitwazzjonijiet bħal dawn jiġu evitati.
Sostna li l-ebda xufier m’għandu jispiċċa vittma ta’ vjolenza tat-tip fuq il-post tax-xogħol.