Puttinu jirċievi €5 miljun li l-Gvern wiegħdu fl-2018

Se jinxtraw appartamenti qrib l-Isptar Great Ormand

Prime Minister Robert Abela presides over the signing of an agreement between the Government of Malta and Puttinu Cares

Wara iktar minn sentejn il-Gvern approva l-għotja ta’ €5 miljun lill-Fondazzjoni Puttinu Cares għax-xiri ta’ appartamenti fil-qalba ta’ Londra.

F’Settembru li għadda Rennie Zerafa, il-fundatur ta’ Puttinu Cares f’intervista fuq 103FM qal li Puttinu Cares qed ikollha tirrifjuta lil pazjenti bil-kanċer li jitilgħu Londra għal trattament billi m’għandhiex post għalihom fil-25 appartament li għandha fl-Ingilterra.

Żied li Puttinu Cares ilha tfittex binja fiċ-ċentru ta’ Londra għal erba’ snin, u huwa diffiċli biex wieħed isib binja addattata bil-permessi kif meħtieġa u bla ċens. Fl-aħħar, din il-binja nstabet, iżda l-awtoritajiet “qegħdin joħduha bil-mod” biex jakkwistaw din il-binja biex fiha jospitaw lill-pazjenti morda li jmorru Londra għal xi trapjant jew operazzjoni.

Din l-għotja tħabbret f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Prim Ministru Robert Abela, l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, u l-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji Edward Scicluna. Matul din il-konferenza stampa sar l-iffirmar tal-ftehim tal-għotja ta’ €5 miljun mill-Fond Soċjali u tal-Iżvilupp Nazzjonali lill-Fondazzjoni Puttinu Cares sabiex tkun tista’ tinvesti f’aktar appartamenti fiċ-ċentru ta’ Londra u li jinsabu tefgħa ta’ ġebla ‘l bogħod mill-Isptar Great Ormand.

Abela fid-diskors tiegħu qal li, “Poplu li għandu valuri sbieħ u dak li qed niffirmaw illum huwa riflessjoni tal-karatteristiċi sbieħ li għandu l-poplu Malti li f’mument ta’ diffikultà nkunu katina waħda biex nagħtu l-appoġġ tagħna lil xulxin”.

Żied li l-viżjoni tal-gvern fil-qasam tal-mard għandu jerfgħu il-gvern. Qal li l-inqas ħaġa li persuni morda jkollhom fuq moħħhom hija l-kwistjonijiet finanzjarji. Qal li għalhekk dan il-ftehim jgħaqqad mal-valur li l-piż lill-batut u lill-marid jerfgħu l-gvern.

Il-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji Edward Scicluna qal li huwa kburi li l-gvern wasal għal dan il-ftehim ma’ Puttinu Cares, li hija fondazzjoni li tagħmel ħafna ġid għax tagħti serħan il-moħħ lill-familji li jkollhom bżonn appartament fl-Ingilterra waqt żmien ta’ mard.

Il-Ministru Scicluna sjega li l-gvern se jħallas rata ta’ £80 għall-appartamenti li Puttinu tmexxi f’Sutton u £170 għall-appartamenti li se tkun qed tmexxi fiċ-ċentru ta’ Londra. Ħabbar ukoll li se tingħata għotja annwali ta’ £150,000 mill-bidu tas-sena d-dieħla u qal li dan il-ftehim ikopri perjodu ta’ 15-il sena.

Id-deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li kull sena jintbagħtu mat-800 pazjent għall-kura speċjalizzata ħafna barra minn xtutna u li l-maġġornaza tagħhom imorru fi sptarijiet f’Londra.

Huwa spjega li l-gvern iħallas b’mod komplut l-ispiża tal-isptarijiet flimkien mal-passaġġ tal-ajru lill-pazjenti u liż-żewġ ġenituri f’każ ta’ tfal. Ħabbar li s-sena l-oħra tħallsu l-passiġġi ta’ 200 ġenitur u kwart ta’ miljun ewro f’servizz ta’ trasport għall-pazjenti Maltin minn u lejn l-isptarijiet.

Min-naħa tiegħu Dr Victor Calvagna mill-Fondazzjoni Puttinu fisser il-ġurnata tal-lum bħala waħda memorabbli għal Puttinu u għall-poplu kollu. Qal li permezz ta’ dan il-ftehim se jkollna proprjetà f’Londra ta’ kważi 20 appartament għal tfal u kbar li jkunu jeħtieġu kura speċjalizzata f’Londra.

Il-ftehim ġie ffirmat mis-Sinjura Angele Cuschieri mill-Fondazzjoni Puttinu Cares u mis-segretarji permanenti fil-Ministeru għas-Saħħa u fil-Ministeru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji.