Putin u Zelenskiy iwiegħdu appoġġ għall-waqfien mill-ġlied fl-Ukrajna

Sputnik/Alexei Druzhinin/Kremlin via REUTERS

Il-President Russu Vladimir Putin u dak tal-Ukrajna Volodymyr Zelenskiy iddiskutew il-kunflitt fil-Lvant tal-Ukrajna u t-tnejn esprimew li se jagħtu l-appoġġ tagħhom għall-waqfien mill-ġlied li se jibda’ mil-lum 27 ta’ Lulju, stqarrew l-uffiċji tagħhom nhar il-Ħadd.

Il-Kremlin qal li Putin tkellem ma’ Zelenskiy waqt telefonata u qallu li d-deċiżjoni tal-Ukrajna li torganizza elezzjonijiet reġjonali fl-2020 imur kontra l-ftehim ta’ paċi ta’ Minsk li kien maħsub sabiex isolvi l-kunflitt li kien beda fl-2014.

L-uffiċju ta’ Zelenskiy qal li l-president tal-Ukrajna qal lil Putin li kien hemm iżjed x’isir sabiex jinħelsu ċ-ċittadini Ukreni li qed jinżammu fil-Lvant tal-Ukrajna, fil-Crimea u fir-Russja.

Aktar kmieni lbieraħ, il-Papa Franġisku faħħar il-ftehim għall-waqfien mill-ġlied li ntlaħaq sabiex jissolva l-kunflitt li għadu għaddej fil-Lvant tal-Ukrajna. “Nifhem li l-ftehim għall-waqfien mill-ġlied dwar iż-żona Donbass intlaħaq dan l-aħħar f’Minsk minn membri tat-Tripartite Contact Group,” qal il-Papa Franġisku waqt l-Angelus tal-Ħadd.