Putin u Obama jiddiskutu l-kriżi Ukraina fuq it-telefown

Il-President Russu Vladimir Putin u dak tal-Istati Uniti Barack Obama iddiskutew il-kriżi tal-Ukraina fuq it-telefown. Qed jiġi rrapurtat li ż-żewġ Presidenti iddiskutew bejniethom il-proposta tal-Istati Uniti għal soluzzjoni diplomatika b’rabta mal-kriżi fl-Ukraina.
Obama ssuġerixxa li r-Russja tgħaddi bil-miktub ir-reazzjoni tagħha għal din il-proposta.
Jidher ukoll li l-Ministri tal-Affarijiet Barranin taż-żewġ pajjiżi mistennija jiltaqgħu fil-jiem li ġejjin.
Dan kollu qed isir fl-isfond tal-kundanni mill-komunità internazzjonali fil-konfronti tar-Russja wara l-vot dwar il-Crimea.
It-telefonata bejn Putin u Obama damet madwar siegħa fejn matulha Putin ġie mħeġġeġ jevita li jżid il-forzi militari fuq il-fruntiera ta’ bejn ir-Russja u l-Ukraina.
Il-President tal-Istati Uniti qal li huwa se jappoġġa soluzzjoni diplomatika jekk ir-Russja tirtira t-truppi tagħha u ma tiħux iktar passi li jnaqqsu mis-sovranità u l-integrità tal-Ukraina.