Putin mhux se jindirizza l-Kungress tal-Istati Uniti

Il-President Russu mhux se jiġi mistieden biex jindirizza l-Kungress tal-Istati Uniti jekk jaċċetta l-istedina ta’ Donald Trump għal żjara f’Washington, qal leġiżlatur Repubblikan.

Il-kummenti li għadda l-iSpeaker tal-Parlament Paul Ryan jirriflettu l-iskumdità li dejjem qed tinħass aktar fost il-leġiżlaturi Amerikani, anke fil-partit ta’ Trump stess, dwar ir-relazzjoni bejn Trump u Putin wara s-summit li kellhom fis-16 ta’ Lulju f’Helsinki.

Trump affaċċja kritika bejn iż-żewġ partiti dwar is-summit, għaliex fih stqarr li r-Russi ma intervjenewx fl-elezzjoni presidenzjali Amerikana tal-2016, minkejja s-sejbiet tal-komunità tal-intelliġenza Amerikana dwar l-azzjonijiet ta’ Moska.

Huwa stieden lil Putin għal żjara f’Washington fil-ħarifa li ġejja.