Putin lest jidħol fl-Ukraina bil-forza

Il-President Russu Vladimir Putin ma jridx jisma’ l-appelli internazzjonali dwar il-paċi.

Fl-ewwel kummenti tiegħu minn meta bdiet il-kriżi bejn ir-Russja u l-Ukraina, Putin qal li ssospenda l-ħidma militari fl-Ukraina, iżda jekk jitolbu l-eks President Ukren Viktor Yanukovych, ammetta li lest jidħol bil-forza.

Il-mexxej tal-Kremlin sejjaħ lill-ġurnalisti fid-dar tiegħu barra minn Moska u qal li għalih, Yanukovych għadu l-uniku president tal-Ukraina u mhux lest jirrikonoxxi l-gvern temporanju.

Minħabba l-imġiba tar-Russja, l-Istati Uniti ħabbru li mhux se jirrispettaw il-ftehimiet kummerċjali u militari u se jagħtu pakkett ta’ għajnuna lill-gvern Ukren, li jinkludi wkoll biljun dollaru f’garanziji fuq is-self.

Barack Obama akkuża lil Putin li hu giddieb u li “mhux se jirnexxielu jidħak b’ħadd.”