​Putin jordna lill-gvern biex ma jkomplix jgħolli l-prezz tal-vodka

Il-President Russu Vladimir Putin ordna lill-Gvern tiegħu biex iwaqqaf iż-żieda fil-prezz tal-vodka.
Ir-Russja qed tiffaċċja inkwiet ekonomiku kbir. Putin qal li l-prezzijiet għolja tal-vodka qed iħeġġu l-konsum ta’ xorb alkoħoliku illegali u li jista’ jkun ta’ periklu.
Dan l-aħħar il-munita tar-Russja kompliet tiddgħajjef fil-valur tagħha, partikolarment wara s-sanzjonijiet mill-Punent kif ukoll ir-roħs fil-prezzijiet taż-żejt.
Eks Ministru tal-Finanzi Russu wissa li l-pajjiż jista’ jidħol f’riċessjoni s-sena d-dieħla.
Vladimir Putin, li jippromwovi stil san ta’ ħajja, talab lill-aġenziji tal-gvern sabiex isaħħu l-ġlieda tagħhom kontra l-konsum illegali tal-alkoħol.
Skont xi rapporti, wieħed minn kull erba’ Russi jmutu qabel ma jilħqu l-55 sena. Instab li l-alkoħol kien fattur determinanti f’uħud minn dawn l-imwiet.