Putin jiffirma t-trattat mal-Krimea

Fuq Twitter, il-Ministru Franċiż għall-Affarijiet Barranin qal li r-Russja ġiet sospiża milli tkompli tagħmel parti mill-G8.  Għall-appuntament li jmiss f’Moska f’Ġunju li ġej se jkun hemm is-seba’ pajjiżi l-oħra. 

Meta illum kien qed jindirizza l-Parlament, il-President Russu Vladimir Putin qal li fl-Ukraina, il-pajjiżi tal-Punent qabżu kull limitu u kienu irresponsabbli.

Putin qal li “kulħadd kien jaf li fil-Krimea hemm miljuni ta’ Russi.” Żied jgħid li dak li ġara fi kjev kien kolp ta’ stat minn forzi estremisti, u ultranazzjonalisti.  Saħaq li hu mhux se jirrikonoxxi l-awtoritajiet li bħalissa qed imexxu l-Ukraina.

Putin iffirma t-trattat ta’ ftehim mal-mexxejja tal-Krimea u Sebastopoli biex ikunu jistgħu jagħmlu parti mill-Federazzjoni Russa.  Il-ftehim irid jiġi ratifikat mill-parlament b’liġi ġdida.