Putin jieħu l-ġurament; iżomm l-istess persuna qrib tiegħu

Vladimir Putin ħa l-ġurament bħala President tar-Russja għal darb’oħra, wara li f’Marzu li għadda mas-70% tal-popolazzjoni vvutaw għalih.
Huwa u jindirizza lin-nies distinti fis-Sala Andreyevsky fil-Palazz tal-Kremlin, Putin, li llum għandu 65 sena, ħalef li jservi lir-Russi u jissalvagwardja d-drittijiet, il-ħelsien u s-sovranità tar-Russja.
Jidher li l-ewwel deċiżjoni li ħa Putin kienet li jżomm lill-Prim Ministru misjur f’dil-pożizzjoni, Dmitry Medvedev, għas-sitt snin li ġejjin.
Ftit tal-jiem ilu kien hemm protesti kbar kontra Putin, immexxija mill-Kap tal-Oppożizzjoni, Alexei Navalny, li ma kienx tħalla jikkontesta l-elezzjoni minħabba allegazzjonijiet ta’ frodi. Navalny dejjem qal li dawn l-allegazzjonijiet ġew iffabrikati biex ma jħalluhx jikkontesta lil Putin.
Sadanittant, xi analisti kienu qed jistennew li Putin jagħżel wiċċ ġdid għal Prim Ministru sabiex jagħti spinta lill-ekonomija u jqajjem mill-ġdid l-investiment mill-Punent.
Qed jintqal li bil-għażla ta’ Medvedev, meqjus bħala wieħed mill-elit li l-ewwel u qabel kollox tiġi l-lealtà lejn l-imgħallem, Putin għażel il-kontinwità, flok il-bidla.
Ritratt: Reuters