Pustiera tmut f’inċident; “L-agħar ġurnata ta’ ħajti għax tlift anġlu sabiħ”

Aġġornat 02:03 PM

Elenia Briffa hija t-tfajla ta’ 19-il sena li dalgħodu tilfet ħajjitha meta kienet qiegħda fuq xogħol.

Il-pustiera kienet għadha kemm telqet mill-uffiċċju tal-MaltaPost, fejn kienet taħdem, bil-vettura li tuża fuq xogħolha, meta fit-8am inqalbet bil-vettura, waqgħet minn ġo fiha u ġiet taħtha.

Aktar tard fl-Isptar Mater Dei, it-tfajla tilfet ħajjitha. Hija kienet mill-Qrendi.

L-għarusa tagħha kitbet fuq Facebook li llum hija l-agħar ġurnata ta’ ħajjitha peress li tilfet anġlu sabiħ. Talbitha biex tibqa’ tħarisha mill-ġenna, u qaltilha li qatt mhi se tieqaf tħobbha.

Il-MaltaPost esprimiet id-diqa tagħha b’din l-aħbar u bagħtet il-kondoljanzi tagħha lill-familja tal-vittma, li kienet pustiera s-Siġġiewi. Il-kumpanija biddlet ukoll ir-ritratt tal-logo tagħha għal wieħed iswed, lewn il-luttu.

MaltaPost is deeply saddened by the tragic demise of Ms Elenia Briffa, a young postal operator who early this morning…

Posted by MaltaPost on Thursday, May 7, 2020

Is-Soċjetà Filarmonika Lourdes fil-Qrendi wkoll bagħtet il-kondoljanzi tagħha f’dan il-mument diffiċli. Żiedet tgħid li Elenia dejjem kienet tkun minn ta’ quddiem biex toffri l-għajnuna tagħha fl-attivitajiet kollha tas-soċjetà, b’mod specjali dawk organizzati mis-Sezzjoni Żgħażagħ.

Is-Soċjetà Filarmonika Lourdes, tingħaqad fil-kondoljanzi u turi solidarjetà f'dan il-mummenti diffiċli mal-Familja…

Posted by Socjeta' Filarmonika Lourdes Qrendi – Malta on Thursday, May 7, 2020

Elenia kienet ukoll involuta fit-tiġrijiet taż-żwiemel. Il-Malta Racing Club kiteb fuq Facebook li Elenia kienet ta’ sikwit tkun fil-korsa l-antika flimkien ma’ missierha, u kienet tħobb tipparteċipa l-aktar fit-tiġrijiet bil-ponija bl-isem Miss AA.

Kulhadd jinsab ixxukjat bil-mewt tragika taz-zaghzugha Elenia Briffa li kellha biss 19 il-sena. Dawk dilettanti…

Posted by Malta Racing Club on Thursday, May 7, 2020