Pupi: L-aqwa drama televiżiva tal-2006 se terġa’ tixxandar

Joseph Galea u Valentina Rossi

Minn għada t-Tnejn 29 ta’ Lulju, l-istazzjon Net se jerġa’ jibda jxandar is-sensiela Pupi tal-2006. Din is-sensiela, rebbieħa tal-unur tal-Aqwa Drama fil-Malta Television Awards, se tkun qed tixxandar mit-Tnejn sal-Ġimgħa mis-1pm ‘l quddiem. F’kull ġurnata jixxandru żewġ puntati wara xulxin.

Din is-sensiela kienet introduċiet lil Valentina Rossi fuq it-televiżjoni.

L-istorja ta’ Pupi hija ambjentata f’Malta fl-1954 fejn niltaqgħu ma’ Ġina, mara ta’ 35 sena li magħha jkollha lil bintha Anna ta’ 10 snin. Hija tmur lura fir-raħal ta’ twelidha li ħallietu mat-tmiem tal-gwerra. U issa reġgħet waslet lura.

Il-wasla ta’ Ġina taffettwa bis-sħiħ il-ħajja ta’ xi wħud li kienu jafuha. Mal-wasla tagħha jibdew jitqanqlu bosta mistoqsijiet: għaliex tkun marret lura? U jekk qabel ma telqet mir-raħal ma kellhiex tfal, bint min hi Anna? Min hu missierha? Tgħid ġiet tfittex lill-missier it-tifla tagħha?

Fir-raħal jeżistu bosta sigrieti f’għadd ta’ qlub ta’ rġiel li 10 snin qabel kienu wżaw lill-mara għall-iskopijiet tagħhom. Dawn is-sigrieti baqgħu mistura sakemm waslet … Imma jidher li l-wasla ta’ Ġina kellu jkun il-bidu biex jibdew jinkixfu dawn is-sigrieti u meta dawn jibdew jinkixfu jkun hemm min jitlef rasu u jieħu passi biex ħtijietu jibqgħu fid-dlam. Sa ma jseħħ qtil.

L-interpreti prinċipali ta’ Pupi huma  Antonella Galea Loffreda, Valentina Rossi, Ivan Debattista, Simone Debattista, Christine Mizzi, Paul Caruana,  Joseph Galea, Pauline Agius, Ronnie Galea, MaryAnne Muscat, Eileen Micallef, Manwel Cauchi, Ruth Sammut Casingena u John Ascione.

It-teledramm Pupi fih 26 episodju, bi produzzjoni tal-kumpanija 26th frame b’direzzjoni ta’ Charles Stroud fuq kitba ta’ Joseph A. Cachia.