Pupazz ieħor għall-Gvern – Busuttil; Tissaħħaħ id-demokrazija – Cardona

L-Avukat Ġenerali se jara l-funzjonijiet tiegħu jinbiddlu.

Read in English.

Id-deputat Nazzjonalista Simon Busuttil qal li bl-abbozz ta’ liġi dwar l-Avukat tal-Istat, il-Gvern irid li minflok pupazz ikollu tnejn li jiġbdilhom l-ispaga.

Meta kien qed jitkellem fit-tieni qari dwar l-abbozz ta’ liġi dwar l-Avukat tal-Istat, Busuttil qal li l-Gvern irid joħloq paraventu ieħor biex jaljena lin-nies iżda ma jdumx li ma jkun kostrett mill-Unjoni Ewropea biex jerġa’ lura fil-Parlament biex jemenda din l-istess liġi għax mhix aċċetabbli għall-istituzzjonijiet Ewropej.

Huwa qal li mhux aċċettabbli li l-Avukat tal-Istat jintgħażel mill-Prim Ministru wara li ssir sejħa pubblika għax fi kliemu, għall-Gvern il-meritokrazija baqgħet fuq il-billboard ta’ qabel l-elezzjoni. Busuttil qal li fiż-żewġ istanzi fejn persuna pubblika ntgħażlet b’żewġ terzi tal-kamra – l-Ombudsman u l-Awditur Ġenerali – dawn qdew dmirhom b’mod imparzjali.

Min-naħa tiegħu, id-deputat mexxej Laburista Chris Cardona saħaq li wara li l-parlament fl-aħħar tliet ċirkustanzi vvotta b’mod unanimu għall-ħatra tal-President tar-Repubblika, issa jmiss lill-Parlament li jivvota b’mod unanimu għal dan l-abbozz.

Cardona spjega li f’dan l-abbozz il-Gvern se jkompli jsaħħaħ id-demokrazija u jiżgura li f’Malta jkun hawn ir-rispett lejn il-liġi (is-saltna tad-dritt).

AQRA UKOLL:

L-Avukat tal-Istat se jintgħażel wara sejħa pubblika; l-Oppożizzjoni tilmenta li ma ġietx konsultata