Punti li għandhom isegwu d-dentisti biex jipproteġu l-pazjenti

Hekk kif il-poplu qed jipprova jerġa’ lura għan-normal, is-Superintendenza għas-Saħħa Pubblika qed tibqa’ toħorġ linji gwida għad-diversi setturi u xogħlijiet differenti. Dan sabiex tkun evitata l-firxa kbira tal-coronavirus.

Fost il-linjigwida, ilbieraħ, kienu ppubblikati linjigwida għad-dentisti u l-kliniċi tagħhom. Il-linji gwida jħarsu lejn il-kundizzjonijiet mandatorji li jridu jkunu osservati. Id-dokument jidħol f’aktar dettall dwar kif kull punt jista’ u għandu jiġi osservat.

Id-dokument iħares ukoll lejn x’prattiċi għandhom jintużaw f’każ li klinika partikolari tkun se tilqa’ fiha pazjent pożittiv għall-coronavirus.

Kundizzjonijiet mandatorji li jridu jkunu osservati:

  • Ma jistax ikun hemm aktar minn persuna għal kull erba’ metri kwadri fil-binja, dan jinkludi wkoll staff.
  • Jekk hemm ħaddiema fir-reception, trid titpoġġa t-tampered glass sa żewġ metri mill-art.
  • Irid ikun hemm distanza minima ta’ żewġ metri bejn dental unit u ieħor. Jekk dan mhux possibli jrid ikun hemm ħajt jew tampered glass ta’ żewġ metri li jissepara l-units. Dawn iridu jitnaddfu wara kull pazjent.
  • Fir-reception u l-workstations kollha jrid ikun hemm aċċess għas-sanitizers.
  • Il-pazjenti u s-suppliers iridu jilbsu maskra li tgħatti l-imnieħer, il-ħalq u l-geddum, jew inkella visors sakemm ma jintalbux ineħħu dan waqt li qed jiġu trattati minn dentist.
  • L-istaff li qed jipprovdi s-servizz lill-pazjenti jrid ikun liebes il-PPEs adegwati skont il-proċeduri li jkun qed jagħmel.

X’jiġri f’każ li pazjent pożittiv għall-COVID-19 jiġi bżonn dentist?

  • L-assessjar tal-pazjent għandu jsir permezz tat-telefown.
  • Id-dentist għandu jagħti l-parir tiegħu waqt it-telefonata u jekk hemm bżonn jibgħat preskrizzjoni elettronika.
  • Jekk possibbli, it-trattament għandu jkun pospost sakemm il-pazjent ifiq.
  • Jekk ikun hemm bżonn li jingħata trattament lil pazjent pożittiv, l-appuntament tiegħu għandu jkun skedat bħala l-aħħar wieħed dakinhar. Id-dentist u t-tim li se jilqa’ l-pazjent irid ikun liebes PPE li jgħatti l-idejn, ingwanti, maskra N95, goggles li jipproteġu l-ġnub, face shield, u x-xagħar irid jitgħatta kollu. Wara li jitlaq il-pazjent, il-post irid ikun diżinfettat u l-għada filgħodu, qabel ma jibda l-ewwel pazjent irid jerġa’ jsir id-diżinfettar.
  • Jekk ikun hemm xi problemi, id-dentist għandu jgħaddi l-pazjent lid-Dipartiment tad-Dentistrija fl-Isptar Mater Dei jew l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex wara li d-dentist ikun tkellem ma’ kondulent jew staff kliniku fid-dipartiment.
  • Staff li jaffaċċja pazjenti pożittivi għall-virus, malli jirritorna d-dar, għandu jipprattika d-distanza soċjali, jħasel idejh frekwentament, u jnaddaf il-partijiet li frekwentament jintmessu fil-karozza.
  • Il-qraba tal-professjonist tas-saħħa għandhom jipprattikaw id-distanza soċjali, jikkunsidraw jorqdu f’kamra separata u jużaw kamra tal-banju separata jekk huma ta’ riskju għoli. Għandhom jaħslu idejhom frekwentament.