​Punch & Judy show bejn Gvern u Oppożizzjoni – Marlene Farrugia

Id-deputata Laburista Marlene Farrugia ddeskriviet id-dibattitu bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni bħala Punch and Judy show, b’naħa tipponta subgħajha lejn l-oħra u viċi versa.
Qalet li taraha stramba li l-Parlament dam ġimgħa jiddiskuti l-obeżità iżda f’seduta waħda jrid jiddiskuti ftehim daqshekk importanti.
Saħqet li n-nies hemm barra jixtiequ iktar informazzjoni, b’mod partikolari dwar meta l-powerstation se taqleb għall-gass.
Appellat lill-Ministru Konrad Mizzi biex jillumina lill-Kamra dwar xi tfisser għal Malta li tkun operatur reġjonali, l-implikazzjonijiet fuq l-ambjent, is-saħħa u l-impjiegi waqt li rrimarkat li l-Gvern ma kien ta ebda ħjiel ta’ dan l-aspett fil-Programm Elettorali Laburista.
Irrimarkat ukoll li d-diskussjoni hi importanti għax is-settur tal-enerġija se jittieħed minn idejn il-poplu Malti.
Fl-istess ħin, semmiet li waqt li l-Gvern raħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, għadu ma raħħasx il-petrol u d-diesel minkejja li l-prezz internazzjonali taż-żejt waqa’ b’mod sostanzjali. Hi staqsiet jekk dan jaffettwax il-kompetittività ta’ Malta.