Pulse tressaq proposti biex jonqos il-piż fuq l-istudenti minħabba t-traffiku

Minn stħarriġ li wettqet il-Pulse fost 1,000 student, 71% qalu li l-iskola għandha tibda iktar tard mit-8 ta’ filgħodu filwaqt li kienu 5% biss dawk li wieġbu li l-iskola għandha tibda qabel.
Dan l-istħarriġ sar bħala parti minn rapport li l-Pulse ressqet dwar is-sitwazzjoni tat-traffiku f’Malta u wara konsultazzjoni mal-istudenti li jattendu l-Junior College.
Fir-rapport jingħad li għalkemm saru passi ‘l quddiem speċjalment bis-sistema l-ġdida tat-trasport pubbliku, baqa’ xi jsir għaliex it-trasport pubbliku għadu mhux konsistenti u affidabbli.
Il-Pulse identifikat tliet fatturi li qed iżidu l-problema tat-traffiku lill-istudenti, li huma l-mod kif l-immaniġġjar tat-traffiku mhix tgħin is-sitwazzjoni partikolari tar-rush hours, li jinħolqu fil-ħinijiet tal-iskejjel, nuqqas ta’ mezzi alternattivi għat-trasport u regoli skolatiċi li huma maqtugħa mir-realtajiet tal-istudenti.
Għalhekk ukoll, il-Pulse fir-rapport qed tipproponi miżuri li ddeskriviet bħala dinamiċi li jistgħu jgħinu lill-istudenti jtaffu mill-piż li qed jaffaċċjaw minħabba t-traffiku.
Fosthom hemm il-proposta li jinħolqu Village Groups, fejn jinġabru flimkien irħula ġirien u l-introduzzjoni ta’ sistema diretta tat-trasport pubbliku minn kull grupp lejn il-Junior College.
Il-Pulse qalet li dan jistgħu joperaw bħall mudell tas-servizz matul il-lejl li diġà qed jingħata mill-Malta Public Transport.
Fir-rapport, l-għaqda qed tipproponi wkoll il-ħolqien ta’ servizz tat-trasport għall-istudenti, ibbażat fuq 17-il rotta ġdida.
Fil-konklużjonijiet, il-Pulse tilqa’ l-inizjattivi l-ġodda li tħabbru mill-Gvern fosthom it-tidal traffic system, għalkemm appellat sabiex ma jinħolqux iżjed bottlenecks fit-toroq.
L-għaqda qed tinkoraġġixxi wkoll proġetti pilota dwar il-possibbilità li jiġu introdotti water buses minn postijiet sensittivi bħal Tas-Sliema, l-Gżira, l-Imsida u l-Belt Valletta.