Pulse tippreżenta rapport dwar bidla fl-edukazzjoni

L-għaqda studenteska Pulse ppreżentat rapport fuq il-kampanja Change The System, li kienet tinvolvi 7 xhur studju u riċerka mmirati biex tittejjeb is-sistema edukattiva f’Malta.
Il-President tal-għaqda, Wayne Sammut, ħabbar bosta proposti li pproponew nies li semmgħu leħinhom fl-4,500 surveys li saru f’Malta u f’Għawdex.
Fost affarijiet oħra, Pulse pproponiet li l-job shadowing jiġi meqjus bħala proġett edukattiv nazzjonali. Żiedet tgħid li l-għalliema għandhom ikunu assigurati li qed jagħmlu xogħlhom b’passjoni u biex ix-xogħol tal-għalliema jingħata iktar valur, għandha togħla l-paga tagħhom.
Il-maġġoranza ta’ dawk li pparteċipaw fl-istudju qalu li l-istudenti għandhom ipoġġu għal tliet A-levels u intermediate wieħed minflok għax żewġ A-levels u tliet intermediates, kif inhi s-sistema bħalissa. Dan sabiex l-istudenti jkunu iktar iffukati fuq il-karriera tagħhom.
Il-Viċi-President tal-għaqda Ayrton Mifsud ikkonkluda billi qal li l-informazzjoni miġbura, bil-proposta u bir-rapport finali, Pulse tappella lill-ministeru għall-edukazzjoni u dawk interessati biex jifformulaw sistema li jippromwovi ħsieb kritiku u abbiltajiet differenti tal-istudenti kollha fuq l-ispettru edukattiv.