Pulpetta twassal għall-ikbar ħabib

Li l-kelb hu l-ikbar ħabib tal-bniedem, ftit jiddubitaw. Xi drabi, hu anke l-bniedem l-ikbar ħabib tal-kelb.
L-istorja ta’ Arthur u ta’ Mikael hi waħda minn dawk li qed tmiss il-qlub ta’ dawk kollha li jsiru jafu lill-protagonisti, tant li mal-wasla tagħhom fl-ajruport tal-Iżvezja sabu jistennewhom għadd ta’ ġurnalisti.
Hi storja li turi kemm verament kull qalb trid oħra, anke jekk bejn bniedem u annimal abbandunat.
Mikael u tlett iħbieb tiegħu, ilkoll atleti, kienu l-Ekwador għal kampjonat dinji ta’ sport estrem. Waqt li kienu qed jaqsmu l-foresta Amażon, lemħu kelb bil-ġuħ.
L-istint wassal lil Mikael biex itih pulpetta tal-laħam mill-ftit li kien qed jiekol. Iżda l-kelb, bil-ġuħ, imweġġa’ u marid, ma riedx jitlaq lill-erba’ atleti li wrewh ftit ħniena.
Għalxejn ippruvaw ikeċċuh, għax il-vjaġġ quddiemhom kien twil u perikoluż, imma l-kelb ma ħallihomx sekonda. Jekk kienet rotta fit-tajn jew qsim ta’ xmajjar slavaġ, il-kelb baqa’ magħhom minkejja d-dgħufija tiegħu. Għalhekk semmewh Arthur.
Wara ġranet ta' avventuri flimkien, Mikael iddeċieda li jadottah u mill-Ekwador kiteb lill-awtoritajiet f'pajjiżu biex jibda l-proċeduri ta’ karti waqt li beda jikkura lill-kelb mill-infezzjonijiet li kellu.
Stqarr li beka bil-ferħ meta t-tweġiba kienet pożittiva. Issa, li waslu lura l-Iżvezja għall-applaws ta’ ajruport nies, jonqos biss l-aħħar ostaklu….l-40 jum ta’ kwarantina ta’ bil-fors li jrid jgħaddi minnha qabel Arthur jibda jgħix għall-kumdità ta’ dar sħuna u l-imħabba tal-familja ta’ Mikael.
Mikael tenna li mar l-Ekwador biex jirbaħ kampjonat dinji u sab l-ikbar ħabib. Dan kollu grazzi għal pulpetta!