Pullicino jinsisti li ma kienx involut fil-kuntratt tal-pannelli fotovoltajċi

Il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Enerġija George Pullicino reġa’ insista li ma kienx involut fl-għażla ta’ kumpanija li ngħatat €35 miljun biex tinstalla u topera units fotovoltajċi fuq bjut tal-bini tal-gvern.
Fi stqarrija, George Pullicino qal li waqt il-programm Xarabank, il-Ministru Konrad Mizzi, bl-appoġġ sħiħ ta’ Joseph Muscat, “kompla bis-sensiela ta’ gideb.”
Għal darb’oħra sostna li “nirrepeti li jien, kuntrarju għal dak li qed isir mill-Ministru tal-lum, qatt ma involvejt ruħi fil-proċess tal-għazla.”
Qal li din hi biss gidba oħra tal-Gvern u tal-Ministru Mizzi.
F’reazzjoni għal dan, il-Gvern qal li wieħed jista’ jifhem ir-reazzjoni panikuża ta’ George Pullicino wara li nkixef il-mod li bih ingħata l-kuntratt taħt ir-responsabbiltà politika tiegħu.
Fi stqarrija, qal kif Konrad Mizzi ppubblika dikjarazzjonijiet iffirmati miż-żewġ entitajiet li jikkonfermaw li Pullicino mexxa l-immaniġjar tal-proċess. Qal ukoll li d-deputat tal-Oppożizzjoni għadu jrid jispjega kif dan it-tender jinkludi fih dokument mhux iffirmat minn bank li ma kienx għadu jeżisti.
Qal ukoll li jrid jispjega għalfejn personalment wassal ittra lil din il-kumpanija li tikkonferma rata għolja għax-xiri tal-elettriku.